Internazzjonali

L-Ukrajna: Proposti għal aktar laqgħat fost il-battalji kontinwi

Il-Kap Ukren tas-Sigurtà, Rustem Umerov, qed jittama li jirranġa għal żjara ‘mill-aktar fis’ fl-Istati Uniti għall-President tal-Ukrajna,Volodymyr Zelensky…Żjara li x’aktarx issir qabel l-aħħar tax-xahar u meta għadhom għaddejjin l-isforzi lejn it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.

Madankollu, il-battalji għall-kontroll ta’ diversi zoni Ukreni qed ikomplu, bis-suldati tar-Russja qegħdin jattakkaw l-inħawi difiżi mill-Ukreni fir-reġjun tad-Donbas u bnadi oħra – u biż-żewġ pajjiżi jkomplu jisparaw id-drones lejn l-artijiet ta’ xulxin.

Sadanittant, is-sorsi f’Washington qalu li l-Ukrajna qablet dwar ftehim għall-paċi, għalkemm xorta fadal id-dettalji sakemm dan ikun konkluż.

Fl-istess ħin, il-Gvern Ukren ma kkummentax dwar dan u s-sitwazzjoni kompliet tikkumplika ruħha wara li l-White House, fl-aħħar sigħat, baqa’ ma kkonfermax ‘it-taħditiet imminenti’, f’Washington, bejn Zelensky u l-President Amerikan. Donald Trump.

Intant, l-Istati Uniti konfermat biss li l-uffiċjali tagħha, ‘il quddiem, kienu se jiltaqgħu mar-Rappreżentanti tar-Russja f’Anu Dhabi.

Id-diplomazija baqgħet għaddejja fl-aħħar sigħat  filwaqt li ma naqsux l-attakki mill-ajru reċiproċi – bl-uffiċjali fi Kiev isostnu li nqatlu talanqas għaxra mid-drones tar-Russi li laqtu l-kwartieri tal-kapitali Ukrena. Dan waqt li l-uffiċjali fir-Russja qalu li nqatlu u ndarbu diversi nies waqt attakk tal-Ukreni fuq ir-reġjun ta’ Rostov.

Sadanittant, żdiedu l-indikazzjonijiet li l-Ukrajna u l-Istati Uniti laħqu ‘ftehim komuni’ dwar it-termini bażiċi tal-pjan għall-paċi li ressaq il-President Trump… Dan wara li l-Mexxejja fi Kiev u l-Ewropa kritikaw l-abbozz inizjali tal-pjan li fissruh bħala ‘wisq favorevoli għal Moska’.

Fl-istess ħin, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja – it-tlett potenzi ewlenin tal-Ewropa – ressqu l-kontro-proposti li, fost oħrajn, jeskludu l-għarfien uffiċjali tar-reġjuni Ukreni taħt il-kontroll tal-militar Russu.

It-tlett pajjiżi lanqas mhuma se jaċċettaw li l-Ukrajna  tnaqqas sew mill-qawwiet tagħha bħalma qed titlob ir-Russja – inkella li l-bieb għall-isħubija fin-NATO jingħalaq darba għal dejjem għal Zelensky u l-poplu tiegħu.

Iżda filwaqt li Zelensky qed jgħid li l-miżuri lejn it-tmiem tal-gwerra huma vjabbli, il-kelliema f’Moska qalu li l-emendi mressqa mill-Ewropa għall-pjan ta’ Trump mhumiex kostruttivi.

Għaldaqstant, is-sensiela ta’ laqgħat imminenti bejn id-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti u r-Russja se jkomplu jindirizzaw il-punti ewlenin tal-pjan u r-riperkussjonijiet potenzjali għall-futur.