Il-Partit Nazzjonalista jikkonferma l-impenn tiegħu li jkompli jiġġieled kontra l-vjolenza – inkluż dik domestika – u kontra kull forma ta’ abbuż, ibbażati fuq il-ġeneru.
Dan qaluh fi stqarrija x-Shadow Minister Graziella Attard Previ, u l-President tal-MNPN Marie Claire Zammit.
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Kontra n-Nisa, il-PN ifakkar li din mhijiex biss kwistjoni ta’ politika, iżda hija wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali u dinjità umana.
Il-vjolenza domestika hija pjaga li tħalli impatt devastanti fuq il-vittmi, uliedhom, il-familji u s-soċjetà kollha, u għalhekk ma nistgħux inħalluha tippersisti.
Minkejja l-progress ekonomiku u soċjali li suppost għamlu n-nisa, sfortunatament dan mhux dejjem hu rifless fil-ħajja ta’ kuljum tal-mara Maltija. Il-mentalità paternalista għadha tiddomina, u bħala riżultat il-pjaga tal-vjolenza domestika għadha qawwija. Dan ġie kkonfermat riċentement mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li żvela kif matul l-2024 kien hemm 3,798 persuna li rrappurtaw vjolenza domestika jew għamlu użu mis-servizzi relatati, u li 76% minnhom kienu nisa.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-kliem sabiħ ma jsolvix din il-problema. Il-mara Maltija ma tistax tistenna u ma tistax tistenna aktar: trid azzjoni konkreta llum qabel għada li tiggarantilha ħajja mingħajr biża’ u b’sens ta’ sigurtà.
Għaldaqstant, matul dawn is-sittax-il ġurnata ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru li bdew illum, il-Partit Nazzjonalista se jkompli:
· Jisma’ direttament lill-vittmi u lill-entitajiet involuti fil-qasam tal-appoġġ u l-protezzjoni;
· Jiltaqa’ ma’ professjonisti u organizzazzjonijiet biex jidentifika l-isfidi reali u jsaħħaħ il-proposti tiegħu;
· Jippromwovi politika bbażata fuq prevenzjoni, protezzjoni u riabilitazzjoni, biex il-vittmi jingħataw l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex joħorġu minn din is-sitwazzjoni inumana.
Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li joffri soluzzjonijiet konkreti, fosthom:
· Prevenzjoni li għandha tibda mil-livell edukattiv permezz ta’ integrazzjoni sistematika fil-kurrikulu skolastiku tal-prinċipji ta’ tagħlim dwar relazzjonijiet b’saħħithom, rispett reċiproku, riżoluzzjoni ta’ kunflitti, ugwaljanza, ġestjoni tal-emozzjonijiet u t-tkissir ta’ stereotipi soċjali li ilhom għaddejjin u li minkejja kollox jibqgħu jippersistu;
· Sistema ċentralizzata għall-monitoraġġ tal-ordnijiet ta’ protezzjoni, biex tiġi żgurata koordinazzjoni immedjata u sigurtà akbar;
· Żieda fil-kapaċità tal-Qrati u r-riżorsi umani biex jitnaqqas id-dewmien esaġerat fil-każijiet ta’ vjolenza domestika;
· Introduzzjoni ta’ Emergency Barring Orders immedjati, li jagħtu l-poter lill-Pulizija biex jitolbu lill-aggressur jitlaq mid-dar, u mhux lis-survivor. Din il-miżura tipprovdi protezzjoni immedjata skont il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tistenna seduta tal-Qorti.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kull vittma tal-vjolenza domestika għandha d-dritt għal ħajja sigura u dinjituża, u li l-Istat għandu l-obbligu li jipproteġi u jappoġġja lil min jinsab f’riskju.
Il-PN se jibqa’ impenjat li jħares dan id-dritt u li jippromwovi politika li tneħħi kull forma ta’ vjolenza domestika minn pajjiżna. Fl-aħħar mill-aħħar, il-vjolenza domestika mhijiex biss kwistjoni familjari u personali, iżda hija pjaga li tolqot lis-soċjetà kollha.
//= $special ?>

