Mark Anthony Sammut
Shadow Minister
għall-Enerġija
u l-Konservazzjoni tal-Ilma
Kulħadd jaf li l-ARMS hi entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern u li hi responsabbli mill-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma f’pajjiżna.
Dan l-aħħar ġejt konxju minn kawża li nfetħet fil-Qorti Ċivili u li fiha qed joħroġ ukoll il-mod abbużiv kif din l-entità qiegħda titħaddem, partikolarment fejn jidħlu l-promozzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Meta qed ngħid abbużiv, mhux ta’ darba, imma b’mod sistematiku. Jekk mhux ukoll b’mod maħsub.
Minn dak li sirt naf jirriżulta li sar eżerċizzju ta’ promozzjonijiet. Tant saru abbużi f’dawn il-promozzjonijiet u tant saru lmenti – inkluż mal-Partit Laburista u ma’ ħafna Ministri oħra kollegi tal-Ministru Miriam Dalli – li kellu jinħatar Bord ta’ Appell magħmul minn tlieta min-nies u dan biex dan il-Bord jinvestiga l-ħafna ilmenti ta’ inġustizzji li saru.
Imma biex wieħed jifhem il-gravità tal-abbuż f’dan il-proċess tajjeb li jsir magħruf li minn xi sebgħin talba li saru, sittin instab li kellhom raġun jilmentaw dwar inġustizzja. U x’ġara f’dan il-proċess? X’sab dan il-Bord?
Jirriżulta li xhur qabel ma nħarġu s-sejħiet, numru ta’ ħaddiema magħżula ngħataw substitution allowance mingħajr ma sħabhom fl-istess taqsima u fl-istess grad ingħataw l-opportunità li japplikaw għaliha huma wkoll.
Meta nħarġu s-sejħiet għall-applikazzjonijiet, dawk kollha li ngħataw din is-substitution allowance ngħataw il-promozzjoni li applikaw għaliha fuq il-bażi li kienu diġà qed iwettqu d-dmirijiet tal-kariga li applikaw għaliha u li kienu diġà qegħdin jitħallsu substitution allowance għaliha.
Jirriżulta wkoll li meta nħarrġu s-sejħiet, ma saret l-ebda verifika, la mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani u lanqas mill-ebda wieħed mill-Bordijiet tal-Għażla li intervistaw l-applikanti li dehru quddiemhom, dwar l-eliġibbiltà ta’ kull kandidat skont il-kriterji li ħarġu fis-sejħa rispettiva li applikaw għaliha.
Dan wassal biex numru ta’ ħaddiema ġew promossi meta lanqas suppost issejħu għall-intervista għax ma kenux jikkwalifikaw.
Din mhix xi ħaġa esklussiva għall-ARMS. Din rajtha f’kull entità li kont il-Kelliem dwarha. Għalhekk issa spiċċajna b’uffiċjali eżekuttivi, f’entitajiet bħal Transport Malta, li lanqas jafu jiktbu u jaqraw u jridu jqabbdu lil xi ħadd biex imqar jirrispondu korrispondenza elettronika.
Tajjeb li jingħad ukoll li wieħed mill-kriterji li l-Bordijiet tal-Għażla kellu jiġġudika lill-kandidati għalih kien dak ta’ Track Record. Dan il-kriterju kellu għoxrin punt.
Ħaddiema ingannati
Kienu ħafna dawk il-ħaddiema li ma ngħatawx il-punti li kien jistħoqqilhom meta wieħed jibbaża fuq il-performance appraisal tagħhom. Dan kien stabbilit mill-Bord ta’ Appelli.
Sadattant kriterju ieħor li ntuża għall-għoti ta’ punti kien dak tal-għarfien dwar l-apparat u li miegħu kien hemm abbinati 25 punt.
Iżda l-ebda wieħed mill-Bordijiet tal-Għażla ma wettaq test prattiku lill-kandidati biex jistabblixxi l-livell ta’ ħila u kompetenza tagħhom fl-użu tal-hekk imsejjaħ apparat u lanqas ma kienu mgħarrfin x’kien dan l-apparat li kien mistenni minnhom li jużaw kemm-il darba jieħdu l-promozzjoni li applikaw għaliha.
Kriterju ieħor li dawn il-Bordijiet tal-Għażla wżaw biex jagħtu l-punti kien dak ta’ attribwiti personali u li miegħu kien hemm abbinati tletin punt. Kriterju li kien bażat fuq il-personalità, il-motivazzjoni u l-impenn, l-adattabbiltà u l-istabbiltà emozzjonali.
Meta tħares lejn min kien fil-Bord tal-Għażla li nħatar ma rriżultaliex li kien hemm ta’ lanqas persuna waħda li għandha kwalifika akkademika fil-psikoloġija jew fil-psikjatrija.
Allura kif iddaħħal dan il-kriterju ta’ personalità u stabbiltà emozzjonali meta ħadd ma kien kwalifikat biex jiġġudika dwar dawn l-aspetti?
Fuq liema bażi dawn il-Bordijiet waslu biex jagħtu l-punti lil kull kandidat?
Kwalifika waħda kellhom il-membri tal-Bord tal-Għażla… li huma Labour. U probabbli l-unika aspett tal-personalità tal-kandidati li kienu kapaċi jkejlu kienet kemm huma qrib tal-Partit Laburista.
Imbagħad wasal il-mument tal-pubblikazzjoni tar-riżultat u nistaqsi lill-Ministru tpoggi lilha stess fiż-żarbun ta’ kull ħaddiem li jaħdem l-ARMS… jekk tiħux pjaċir tirċievi korrispondenza elettronika fejn ir-riżultat jikkonsisti biss fil-kelma PASS jew FAIL u mingħajr mal-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani jgħidlek x’marki ngħatajt taħt kull kriterju li ntuża!
Dan huwa dritt ta’ kull ħaddiem li jpoġġi għal intervista fiċ-Ċivil; dritt li jkun jaf x’kienu l-marki li ngħata taħt kull kriterju li ntuża.
Forsi tajjeb li l-Gvern jiftakar ftit fis-sentenza ‘Bajada vs Il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku’, li kemm fl-Ewwel Qorti u kemm fl-Appell, il-Qrati ddikjaraw li impjegat għandu dritt għall-informazzjoni kollha dwar il-proċess tal-għażla ħalli meta jappella jkun jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq il-fatti u jagħmel appell infurmat.
Wieħed jistaqsi wkoll lill-Ministru tiħux pjacir tkun taf li l-Management tal-ARMS ċaħħdu lil għadd ġmielu ta’ ħaddiema mid-dritt għat-tagħrif biex ikunu jistgħu jressqu appell sod meta dan il-jedd ingħata minn żewġ Imħallfin f’Appell li kien sar kontra l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku?
Kieku l-Ministru toqgħod għal intervista li ddum biss għaxar minuti ma toħroġx bil-fehma li l-intervista kienet farsa u li l-proċess kien ivvizzjat?
Fid-dawl ta’ dan il-Ministru ma ħassitx il-bżonn li titlob għal investigazzjoni fuq l-operat ta’ kull Bord tal-Għażla u titlob spjega għaliex kien hemm dawn in-nuqqasijiet kollha?
Wieħed jistaqsi wkoll lill-Ministru Miriam Dalli x’sar minnha l-iStandard Operating Procedure (SOP), li kiteb il-Bord tal-Appelli bħala part mir-rapport tiegħu; SOP li nkitbet biex ma terġax isseħħ straġi fil-ħatriet u l-ħaddiema jkollhom is-serħan tal-moħħ li kollox qiegħed isir kif suppost u li jkun hemm trasparenza wara kull eżerċizzju ta’ promozzjonijiet?
Daħlet fis-seħħ? Jew intremiet? Kif jagħmel dal-Gvern b’kull ħaġa li titlob minnu trasparenza u ġustizzja?
Abbużi bil-barka tal-PL
Jew kien proprju għax ridna dawn l-abbużi, li l-ARMS spiċċat immexxija mill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista?
Għax tħares lejn l-ARMS illum titfixkel hux qed tara entià pubblika, jew dħaltx fil-Kwartieri tal-Partit Laburista!
Fil-fatt tajjeb li wieħed ikun jaf ukoll min kienu l-membri tal-Bord tal-Għażla li mexxew dan il-proċess ivvizzjat u abbużiv:
Nikita Zammit Alamango, ic-Chairperson tan-Nisa Laburisti
Marisa Ciappara – it-Teżorier tal-Partit Laburista
Ray Falzon, membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista
U l-persuna li qed tmexxi l-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-ARMS, jirriżulta li spiċċat marret hemm mill-uffiċċju tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Meta wieħed iżomm f’moħħu kemm hawn professjonisti f’Malta u kemm jiggradwaw kull sena mill-Università u mill-MCAST, hija kumbinazzjoni li l-ARMS lilhom biss sabet tajbin f’Malta u f’Għawdex kollha biex jitmexxew dipartimenti important fi ħdanha?
U minn Ottubru 2024 anke l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni issa kellu jinstab minn ġewwa l-Eżekuttiv tal-Parti Laburista… Eks Uffiċjal Eżekuttiv tal-Partit Laburista!
U forsi għalhekk il-Ministru allura ma tantx jidher li għandha interess li tindirizza dawn l-abbużi li twettqu taħt imneħirha.
Dawn in-nies mexxew dan il-proċess abbużiv, sistematiku fl-ARMS. U dan huwa mera ta’ dak li qed jiġri fiċ-Ċivil u fl-awtoritajiet pubbliċi. U jkun hawn min jgħid “u iva, jgħaffġu huma, ma taffetwanix.”
Daħlet id-drawwa li nheddu bil-vot jekk irridu promozzjoni. Speċjalment jekk tkun tal-qalba. U spiċċajna fejn nies bi school leaving certificate jikkmanda Perit taħtu! Oqgħod studja u stinka. U mbagħad tispiċċa b’xi ħadd li ma jafx jaqra jkun fuqek li gradwajt!
Nifhem li kulħadd għandu jkollu opportunità li jimxi ’l quddiem, u li l-kwalifiċi mhux kollox, imma issa morna fl-estrem fejn il-mertu spiċċa għalkollox. U dan iwassal biex il-ħaddiema li jagħmlu xogħol sew u b’serjetà qed jispiċċaw jitwarrbu, u għax iħobbu s-serjetà jitilqu.
U l-iżjed li jbati qed jispiċċa ċ-ċittadin, li meta jiġi bżonn xi servizz minn dawn l-entitajiet isib ma’ wiċċu nies inkompetenti fi rwoli li mhux kwalifikati għalihom.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23 ta’ Novembru, 2025
//= $special ?>

