Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Il-ħsieb irid jigi kultivat, maturat, megħjun biex jikber u jrendi l-ġid lill-bniedem. Mingħajr din l-attività nitilfu ħafna minn dak li aħna għandna nkunu verament. Dan sija fil-persuna tagħna stess, minn aħna u x’irridu nimmiraw li nkunu. Kif ukoll f’dik tas-soċjetà li ngħixu fiha, f’dak li rriduha tkun.
Nistgħu nkunu ordnati, organizzati, attivi u nħarsu ’l quddiem bħala umani. Nistgħu nassiguraw li kemm jista’ jkun naġixxu sewwa fil-ħsieb li kull azzjoni tajba jew ħażina li nwettqu se naffettwaw biha lill-oħrajn, l-ambjent soċjali fis-sħiħ. Att tajjeb fih innifsu jmiss lilna direttament, inħossuna aħjar u mexjin fit-triq it-tajba imma jmiss direttament u indirettament lil dawk li huma madwarna.
Kif għandna nkunu
Il-bniedem ilu sekli jiddibatti u jikteb f’kif jaħseb li l-aħjar li s-soċjetà tiġi mibnija u organizzata. Uħud dehru li qed jitkellmu mingħajr kuntest jew realtà. Imma diversi kienu qed jirriflettu fuq is-sitwazzjonijiet soċjali u politiċi li kienu fihom.
Uħud aċċettaw dak li kien hemm u ppruvaw jibdlu b’pariri lir-renjanti, lil dawk li kellhom il-poter assolut f’idejhom. Oħrajn ħolmu f’soċjetà ġdida differenti qisu d-dinja setgħet bdiet tibda ddur mill-ġdid. Proġetti li wara Sir Thomas More (1478-1535) bil-ktieb tiegħu Utopia (1513) ġew klassifikati bħala utopistiċi.
Dawk li wħud raw f’dak li dan il-qaddis kiteb il-proġett ta’ soċjetà li ma tistax tieħu l-ħajja. Dan għax għalkemm mibnija fuq premessi u intenzjonijiet mimlija b’valuri kienet qed tinjora l-bniedem f’dak li huwa u f’dak li l-istorja għaġnitu jkun.
Xorta waħda
Warajh ġew diversi bi proġetti politiċi li wħud ġew implimentati f’termini puristi oħrajn le. Karl Marx u d-dixxendenti tiegħu għaddew minn dan. Dak li seħħ fl-Unjoni Sovjetika hemm min jgħid li ma kienx it-twettiq kif kellu jkun oħrajn le.
Il-fatt però jibqa’ li miegħu ġew diversi oħrajn f’reazzjonijiet varji bl-isfumaturi żbaljati li n-nazziżmu u l-faxxiżmu ġabu magħhom. Ħolm ta’ soċjetà perfetta mibnija fuq suppost bnedmin perfetti u puri. Direzzjonijiet varji li meta mfassla fuq utopiji imprattikabbli u anzi aktar indirizzati fuq kunċetti anti-umani, li jmorru kontra n-natura u d-dinjità tal-bniedem ifallu.
Xorta hemm diversi atti li saru li wieħed irid jikkonsidra u jeżamina biex jifhem x’effett u impatt kellhom fuq l-istorja u l-istati. Xorta aktar li l-bniedem ma qatgħax qalbu milli jittama li hu kapaċi jibni proġett utopiku li huwa aktar realistiku minn l-oħrajn qablu jew miegħu.
Wieħed għandu jistaqsi
F’dan quddiem il-fallimenti ta’ proġetti politiċi fuq il-lemin u fuq ix-xellug fl-estremiżmi tagħhom fil-puriżmi apparenti tagħhom hemm pożizzjonijiet li żviluppaw.
Aktar u Aktar f’dawn it-tmenin sena mit-tmiem tal-aħħar gwerra dinjija jidher li barra l-paċi u l-organizzazzjoni interna Ewropea waqfu dawk li kitbu kotba utopici ġodda kif nafuhom. Id-domanda li, però baqgħet tiġi mistoqsija f’moħħ diversi u hekk għada. Ideat u kunċetti li l-perit, filosfu Amerikan Richard Buckminister Fuller (1895-1983) fil-ktieb miġbur mid-dixxendenti Utopia or Oblivion (2008) iħares fihom.
Ktieb li jibda b’dawn il-kliem fl-introduzzjoni “All of humanity now has the option to “make it” successfully and sustainably, by virtue of our having minds, discovering principles and being able to employ these principles to do more with less.” (L-umanità kollha issa għandha l-għażla biex “tirnexxi” b’suċċess u b’sostenibbiltà, bil-gwida li nidderiegu l-imħuħ tagħna, li jiskopru prinċipji u jkunu kapaċi bihom biex iwettqu iktar b’inqas.”
Dibattitu kontinwu
F’dan il-punt fin-nuqqas ta’ kunċetti ġodda ‘utopistiċi’ sibt ktieb interessanti jiddibatti dan kollu fi sfond aktar preċiż u miftuħ, passat, preżent u futur. Il-ktieb Occidente senza utopie (2016) fih is-sabiħ ta’ żewġ trattati ta’ bnedmin intelliġenti u li huma jew kienu akkademikament u politikament impenjati.
Qrajt dak li l-istoriku u politiku li kien hu Romano Prodi Paolo (1932-2016) kif ukoll dak li l-filosfu u politiku Massimo Cacciari (1944) kitbu. It-tnejn b’linji etiċi differenti imma jaqblu li hemm bżonn li l-bniedem jibqa’ jħares u joħlom ’il quddiem. Mingħajr dan, il-bniedem u s-soċjetà li jgħixu fiha tmur lura. Element neċessarju fl-eżistenza umana.
Ideat
It-tnejn huma trattati fi sfond akkademiku qawwi però b’ħafna għerf politiku li l-esperjenzi diretti rispettivi tagħhom tawhom. Dak li fil-ħajja tagħhom it-tnejn jindikaw li għad hemm lok għall-utopija u għad hemm bżonn ta’ bnedmin li jħarsu ’l quddiem fis-soċjetà li għandha tkun.
Fil-fatt Cacciari jgħidilna fi kliem mill-aktar rilevanti llum hekk “Sicurezza e pace non potranno mai essere garantite se Politico e Accademia non celebreranno indissolubili nozze. E’ la natura stessa dell’impresa scientifica a esigerle.” (Sigurtà u paċi ma jistgħu qatt ikunu garantiti jekk il-Politika u l-Akkademja ma jiċċelebrawx żwieġ li ma jinħalx. Hija minn natura stess tal-kunċett xjentifiku li jitlobha.)
Punti li jfakkruna aktar li jekk dan ma jsirx jkollna iktar politika amministrattiva kif diversi dokumenti uffiċjali tal-Gvern jissugraw li jkunu, iktar milli dawk li kapaċi jibnu soċjetajiet aqwa milli għandna.
Sewwa nittamaw
F’dan f’soċjetà fejn il-politika abbandunat l-ideoloġija taħt il-ħsieb li ma għadhiex aktar rilevanti wieħed jistaqsi jekk dan hux minnu jew hux ir-raġuni ta’ deklin b’mod partikolari magħna li ninsabu fl-oċċident.
Dan fis-sens li għad għandna partiti politiċi li għandhom kunċett ċar fil-viżjoni politika tagħhom ta’ x’tip ta’ soċjetà għandu jkollna. Meta wieħed jistaqsi l-politika xi trid twettaq issib mħux linja sħiħa bażata fuq prinċipju etiku uniku imma fuq varjetà ta’ ideat li ħafna drabi anqas ma jiffunzjonaw jew jistgħu jiffunzjonaw flimkien.
Dan aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li fl-għażla li ġejja, il-Gvern irid iżomm il-poter f’idejh taħt il-messaġġ indirett li huwa hu biss li kapaċi jamministra tajjeb il-pajjiż u minħabba dan li jista’ jkun hemm xi forma ta’ progress.
L-isfida u l-proposta
F’dan ovvjament għal min irid iħares li jibni pajjiż oċċidentali bħal tagħna li jkollu kunċett ta’ ‘utopja’ pożittiv u ċar ġej minn isfel għal fuq ċert li jagħraf li għandu s-sogru qawwi li jiġi akkużat li huwa fil-ħolm li ma jitwettaqx. F’dan wieħed jrid jistaqsi ma’ dawn l-awturi propju kemm hemm lok għat-tama.
Cacciari fil-ħsieb tiegħu jgħidilna hekk: “Filone, soprattutto in Quod determinus, era giunto quasi a identificare essenza dell’uomo e speranza: ‘che cosa e’ piu’ proprio dell’uomo della speranza?’ ‘solo chi e’ capace di sperare e’ uomo, il disperato non e’ uomo. Vivere e’ vivere nella speranza ripetera Agostino. Ma la fondatezza della speranza e’ piu’ entrambi “gioia prima della Gioia”, e proviene dalla fede in Lui.” (Filone l-filosfu Lhudi l-iktar fil-ktieb tiegħu Quod deterius potiori insidiari soleat, jasal vicin l-essenża tal-bniedem u t-tama, ‘x’inhi l-iktar proprja fil-bniedem mit-tama? Huma dawk biss li kapaċi jittamaw li huma bnedmin, iddisprati mhumiex hekk. Li tgħix huwa li tgħix fit-tama jgħidilna Santu Wistin. Imma l-bażi tat-tama hija iktar f’daqqa hija “l-ferħ qabel il-Ferħ” u ġejja mill-fidi f’Alla.)
F’dan nibqa’ nittama li nkun kontributur lejn proġett politiku ċar u futur. Nibqa’ nħoss fija l-ferħ qabel il-ferħ li dan jista’ jsir għax hemm bażi fuq x’jista’ jsir. Għax l-agħar minnu nnifsu jattakka l-aħjar.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 25 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

