Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, ħarġet ordni ta’ proabtion u trattament fil-konfront ta’ Jonathan Degiorgio ta’ 40 sena u lil Christopher Mifsud ta’ 37 sena wara li t-tnejn ammettew li kienu involuti f’serqa aggravata u ħsara fil-proprjetà f’residenza f’Santa Venera fis-7 ta’ Awwissu 2022.
Iż-żewġ imputati kienu daħlu f’residenza fi Triq Misraħ il-Barrieri, fejn serqu flus, ġojjellerija u oġġetti oħra li l-valur tagħhom jaqbeż l-€2,300, filwaqt li kkawżaw ukoll ħsara fil-bieb tal-proprjetà li tammonta għal aktar minn €250. Il-vittmi, irrappurtaw li nsterqu ammont totali ta’ €10,400 f’oġġetti u flus.
It-tnejn kienu inizjalment wieġbu li mhumiex ħatja, iżda Degiorgio ammetta fil-5 ta’ Novembru 2024 u Mifsud fit-2 ta’ Diċembru 2024. Waqt il-konferma tal-ammissjoni tagħhom f’Novembru 2025, il-Qorti għamlet ċert li t-tnejn kienu konxji tal-konsegwenzi legali.
Il-qorti setgħet timponi pieni detentivi, peress li r-reati kienu ta’ natura aggravata u l-imputati kienu reċidivi. Degiorgio kien qed jaffaċċja wkoll akkużi separati li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest f’diversi okkażjonijiet, inkluż fl-2018, 2020 u 2021.
Madankollu, ir-rapporti tal-Uffiċjali tal-Probation enfasizzaw li t-tnejn kellhom storja ta’ abbuż tad-droga u li kienu jinsabu f’fażi ta’ tentattivi ta’ rijabilitazzjoni. Fil-każ ta’ Degiorgio, l-Uffiċjal tal-Probation irrimarka li l-imputat kien għal sentejn u aktar li ħalla warajh il-vizzju tad-droga u kien qed jagħmel progress sinifikanti, għalkemm kien għad għandu bżonn sapport terapewtiku.
Għal Mifsud, ir-rapport juri storja personali diffiċli, problemi ta’ rabja u dipendenza, u nuqqas ta’ stabbiltà soċjali, iżda xorta ġie meqjus li jista’ jibbenefika minn trattament fil-komunità, jekk juri impenn. Il-Qorti ddeċidiet li f’dawn iċ-ċirkustanzi, u biex tiffaċilita r-rijabilitazzjoni tagħhom filwaqt li tipproteġi l-pubbliku, it-tnejn jitqiegħdu taħt Ordni ta’ Probation ta’ tliet snin, flimkien ma’ Ordni ta’ Trattament ta’ ħames snin. Degiorgio ġie ordnat ukoll iħallas nofs il-ħsara tal-vittmi – €5,200 – permezz ta’ 36 pagament ta’ €144.44 fix-xahar, li jibdew mid-17 ta’ Diċembru 2025.
Il-Qorti wissietu li kwalunkwe nuqqas f’pagament wieħed biss jista’ jwassal biex is-somma ssir dovuta kollha f’daqqa. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ parti mid-depożiti li Degiorgio kien ħallas fil-passat biex jikseb il-ħelsien mill-arrest: €300 mid-depożitu tiegħu tal-2020, €200 minn dak ta’ Awwissu 2020, u €500 minn depożitu mogħti fl-2021. Biex jżomm il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fil-proċeduri pendenti l-oħra tiegħu, Degiorgio se jkollu jerġa’ jikkumplimenta dawn id-depożiti.
Il-Qorti spjegat lit-tnejn l-effetti legali tal-ordnijiet imposti u wissithom li kwalunkwe ksur tal-kundizzjonijiet jew kwalunkwe reat ġdid jista’ jwassal biex jingħataw piena ta’ priġunerija għall-istess reati li llum ammettew. L-ordnijiet ta’ probation se jkunu nfurzati taħt is-superviżjoni tad-Direttorat tas-Servizzi tal-Probation, li se jibqa’ jissorvelja l-progress taż-żewġ irġiel tul is-snin li ġejjin.
//= $special ?>

