Raġel ta’ 54 sena nstab ħati biss għall-pussess ta’ ammont żgħir ta’ tabakk bla dazju wara li l-Qorti qalet li nuqqasijiet serji fl-evidenza ppreżentata mid-dwana jfissru li ma setax jiġi ppruvat b’mod ċert li l-prodotti kollha maqbuda kienu illegali. Id-Dwana talbet lill-Qorti biex il-multa tkun dik ta’ €140,500, iżda ġie kundannat iħallas ftit iktar minn €14,000 f’dazju. Huwa ngħata wkoll sentenza sospiża.
Sandro Portelli kien akkużat bil-pussess, irċevuta jew immaniġġjar ta’ sigaretti u tabakk mingħajr taxxa, inkluż it-trasport, il-ħabi jew il-ħażna tagħhom bi skop li jitqarrqu l-awtoritajiet. Il-każ beda wara informazzjoni anonima li allegatament semmiet li vann Peugeot Partner kien qed jintuża għal kuntrabandu ta’ sigaretti.
Uffiċjali tad-Dwana poġġew il-vettura taħt osservazzjoni u segwewha sa garaxx taħt l-art f’Birkirkara, fejn sabu kartuni ta’ sigaretti. Fit-tfittxija tal-vettura nstabet kaxxa ta’ 200 sigaretti Business Royals u pakkett miftuħ ta’ 10 sigaretti, b’assenji ta’ dazju u taxxi li jammontaw għal ftit aktar minn €50.
Iżda fit-tfittxija tal-garaxx instab ħafna aktar tabakk: madwar 58 kartuna Business Royals u 20 kartuna Tradition, li kellhom valur ta’ dazji u VAT li jaqbżu l-€5,700; kif ukoll 114-il kartuna oħra ta’ diversi marki u boroż ta’ tabakk “roll-your-own”, li kienu jammontaw għal aktar minn €8,000 f’dazju; u kwantitajiet konsiderevoli ta’ Golden Virginia u Drum, li kellhom valur ta’ aktar minn €22,000 f’dazju mhux imħallas.
Portelli qal minnufih lill-uffiċjali li kellu żewġ kaxxi ta’ sigaretti bla dazju, li kien “jaf li huma ħżiena”, u li kien irċevihom bħala ħlas għal xogħol snin ilu. Insista li qatt ma kellu l-intenzjoni jbigħhom u li l-prodotti l-oħra kollha kienu legali.
Hu sostna wkoll li t-tabakk kien ilu fil-garaxx tiegħu aktar minn sena u li ma kellux għarfien tekniku dwar id-differenzi bejn dawk bla dazju, ‘ship-supply’, għas-suq lokali jew prodotti qabel l-2019 li ma kellhomx sistemi ta’ traċċar.
Il-Qorti semgħet xhieda ta’ uffiċjali tal-Dwana fosthom is-Superintendent James Grech, li kkonferma l-kooperazzjoni sħiħa ta’ Portelli. Żewġ uffiċjali oħra, Kevin Borg u Roland Montanaro, ikkonfermaw li l-akkużat kien indika minnufih liema sigaretti kienu illegali, filwaqt li l-bqija tal-prodotti dehru mmarkati jew jappartjenu għal kategoriji li jistgħu jkunu legali, inklużi prodotti tad-duty-free u ta’ qabel is-sistema “Track & Trace”.
Madankollu, il-Qorti rrimarkat li l-prosekuzzjoni kienet imfixkla b’nuqqasijiet gravi fl-evidenza. L-ewwel, l-uffiċjali tal-Customs ħadu tagħrif personali u stqarrijiet mingħand l-akkużat mingħajr ma tawh twissija legali, u dan jikser id-drittijiet tiegħu.
It-tieni, kien hemm dubji serji dwar il-katina tal-kustodja: xi kaxxi tħallew miftuħa u mhux issiġillati, kien hemm biss 12-il ritratt li juru ftit mill-oġġetti u ma kien hemm ebda prova viżiva ta’ dak li daħal fil-maħżen tal-Marsa. Barra minn hekk, ma nstab l-ebda prova li l-oġġetti rreġistrati fis-sistema kienu l-istess prodotti miżmuma fil-maħżen.
Il-Qorti osservat ukoll li kien hemm kunflitt bejn id-dokumenti uffiċjali, fejn formola waħda kienet tgħid li s-sigaretti ‘Tradition’ kienu mmarkati, u oħra li ma kenitx mingħajr spjegazzjoni mill-prosekuzzjoni. Fost l-oġġetti maqbuda kien hemm prodotti li setgħu jkunu legali jew parti minn stokk antik, prodotti għall-provvista tal-vapuri jew tinsab f’’tax warehouses’. Ma ġie msejjaħ l-ebda importatur jew distributur biex jivverifika l-istatus tagħhom.
Il-Qorti qalet li s-sistema “Track & Trace” ma tissostitwixxix proċeduri korretti ta’ prova, fosthom verifika indipendenti jew superviżjoni maġisterjali. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ ċertezza u l-problemi kollha fil-preżervazzjoni tal-evidenza, il-Qorti qieset li kien jeżisti dubju raġonevoli dwar il-prodotti kollha ħlief il-kaxxi ta’ Business Royals li l-akkużat kien ammetta li kellu.
Għaldaqstant, Portelli nstab ħati biss dwar il-pussess tal-‘Business Royals’ u l-akkuża marbuta mar-riċevuta ta’ merkanzija miksuba illegalment. Fil-kundanna tiegħu, il-Qorti qieset in-natura tal-offiża, il-kundanni fiskali preċedenti tiegħu u l-ammont ta’ dħul mitluf mill-Istat.
Huwa ngħata 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin u ordnat iħallas €14,516.85 f’dazju, €4,838.95 bħala dejn ċivili lill-Customs, u €2,598.84 f’VAT. Il-vann Peugeot, il-garaxx u l-oġġetti kollha għaddew favur il-Gvern.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, filwaqt li l-Avukat David Gatt deher għal Portelli li mistenni jappella mis-sentenza.
//= $special ?>

