Kuntistabbli tal-Pulizija qalet fil-Qorti li waqt it-tfittxija inizjali ġewwa d-dar, li fiha nstabu 58 kilo kokaina, l-akkużat ma kienx preżenti, kumment li ma tantx niżel tajjeb mad-difiża u dan għaliex il-liġi ġeneralment titlob il-preżenza tal-persuna suspettata jekk dan ikun possibbli. Hija qalet li n-nuqqas tiegħu kienet għar-raġuni li kien jinsab rikoverat l-isptar.
Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Kroat ta’ 45 sena, Nenad Kovacic, wara li allegatament inqabad bi kważi 76 kilo kokaina f’operazzjoni estensiva tal-Pulizija tad-Drugs Squad f’Għawdex, b’valur stimat ta’ madwar €9 miljun.
L-arrest wasal wara ġranet twal ta’ osservazzjoni u monitoraġġ fuq movimenti suspettużi bejn Malta u Għawdex, b’enfasi fuq vetturi li kienu jaqsmu ripetutament bejn iż-żewġ gżejjer. L-intervent kien seħħ ix-xahar li għadda fil-Port tal-Imġarr, fejn il-Pulizija waqqfu Toyota Rav 4, li kienet niżlet Malta għal ftit minuti u reġgħet telgħet Għawdex ftit wara. Waqt tfittxija fuq il-vettura, l-uffiċjali sabu 18-il kilo kokaina.
Il-kuntistabbli Sharon Azzopardi qalet li l-operazzjoni kompliet fir-residenza fejn jgħix l-akkużat fix-Xagħra, li hu kien jikri mingħand ġar tiegħu. Tim tal-RIU nżamm fuq il-post biex jiġi monitorjat l-ambjent sakemm waslet aktar għajnuna.
Madankollu, x-xhieda tagħha kompliet tiżvela dettall li ġie kkritikat mid-difiża: waqt it-tfittxija inizjali ġewwa d-dar, li minnha nstabu 58 kilo oħra kokaina, dik li Kovacic ma kienx preżenti. Xhud ieħor kien il-kuntistabbli Clint Zahra spjega li hu u l-kollegi tiegħu daħlu fid-dar wara li qabbdu ċ-ċavetta mas-serratura u sabu l-bieb miftuħ, iżda huma ħarġu u reġgħu daħlu meta waslet id-direttiva formali tas-superjuri tagħhom biex tibda t-tfittxija.
Fil-proċess kien preżenti s-sid tal-proprjetà, li ma kienx suspettat f’dak il-ħin. Zahra rrimarka li fil-kmamar instab taqlib ġenerali, kxaxen miftuħa u oġġetti mxerrda — iżda ammetta li ma staqsewx lin-nies fil-blokka jekk raw ħadd jidħol jew joħroġ, u lanqas ma saret verifika għall-kameras tas-sigurtà fl-inħawi, peress li “ma deheru l-ebda CCTV cameras viżwalment”.
Zahra ġie mistoqsi jekk l-akkużat kienx jaf li qed issir it-tfittxija u wieġeb li ma kienx jaf. Aktar tard xehed sid il-propjetà fejn qal li mhemmx CCTV cameras f’dawk l-inħawi. It-tfittxija wasslet għas-sejba ta’ magni tas-siġillar, laptop, settijiet ta’ pjanċi tar-reġistrazzjoni u diversi boroż mimlija blokki tal-kokaina fil-kamra tal-banju, kif ukoll blokok oħra fis-suffett.
Il-Pulizija kkonfermat li l-evidenza ġiet ippakkjata f’boroż speċjali, iżda dawn ma ġewx iffirmati mill-akkużat, għaliex dan lanqas kien jaf li t-tfittxija kienet għaddejja fir-residenza tiegħu. Ħareġ ukoll minn naħa tkellmet fuq l-iżball li semmiet id-difiża, u li dan ma kien żball xejn, imma tagħat ir-raġuni li l-akkużat ma kien preżenti minħabba li kien l-isptar.
Min-naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni rrimarkat li huwa minnu li l-akkużat ma kienx preżenti, madankollu t-tfittxija ġiet iirekordjata bil-body cams u kien hemm preżenti s-sid tal-propjetà. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li f’dan il-każ il-Pulizija ma kellhiex bżonn mandat għax il-liġi tagħtija s-setgħa li tidħol u tfittex f’kull post użat minn persuna li tkun taħt arrest, jekk ikollhom raġonevolment jissuspettaw li hemm provi, li għandhom x’jaqsmu mar-reat.
Il-Maġistrat Jean Paul Grech qed jippresiedi l-każ. Il-prosekuzzjoni qed jitmexxa mill-Avukat Godwin Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi John Howard u Alfredo Mangion. L-Avukati Franco Debono u Nicholas Mifsud qed jidhru għall-akkużat.
//= $special ?>

