Internazzjonali

Roberta Metsola tfakkar lil Bernice Cassar u Paulia Dembska fi Strasburgu

F’diskors waqt il-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rreferiet għal żewġ vittmi ta’ femiċidju f’Malta li nqatlu fl-aħħar erba’ snin.Fejn saħqet li s-soċjetà u l-istituzzjonijiet għandhom obligazzjoni lejn kull mara li nqatlet.

Filwaqt li l-bini tal-Parlament Ewropew inxtgħel oranġjo bħala simbolu ta’ solidarjetà u biex iqajjem aktar kuxjenza, l-President Metsola nnotat li ċ-ċifri fl-Ewropa għadhom xokkanti.

Roberta Metsola, qalet li 30% tan-nisa esperjenzaw xi forma ta’ vjolenza fiżika jew sesswali. Hi insistiet li mhux biżżejjed li titqajjem kuxjenza.

Hija fakkret fil-passi leġiżlattivi li ħa l-Parlament biex jikkriminalizza l-abbuż, kemm dak fiżiku kif ukoll dak online. U saħqet li issa huwa l-mument li dawn il-liġijiet jiġu implimentati biex kull tfajla u mara tkun tista’ tgħix b’dinjità u ħielsa mill-biża’.