Lokali

Roderick Galdes ma jiċħad xejn mill-akkużi marbutin ma’ Malita Investments

Ritratt: Matthew Tabone

Ebda ċaħda mill-Ministru Galdes dwar dak li qed jissejjaħ l-iskandlu tal-Malita – b’Galdes jgħid biss li hu wettaq biss “sorveljanza”.

Roderick Galdes kien akkużat li indaħal fil-kumpanija Malita Investments, u li kien jifrekwenta u joħroġ mal-kuntratturi. Dan saħqitu l-eks Membru Parlamentari Ewropew Laburista u eks Chairmain ta’ Malita plc, Marlene Mizzi f’kitba fuq il-midja soċjali, fejn Mizzi akkużat lill-Ministru responsabbli mill-housing li kien jindaħal fl-affarijiet tal-kumpanija u saħansitra jifrekwenta l-kuntratturi. Biex imbgħad, meta kkonfrontat lil Ministru Galdes dwar dan kollu, dan keċċiha.

Bl-eks MEP tal-Labour tiddikjara li kien ta’ unur għaliha li tneħħiet, għaliex l-istorja se tkun qed titkellem waħedha.

Issa, Net News żvela li anke ċ-Chairperson preżenti tal-Malita irriżenja.

U l-Ministru ma ċaħad XEJN mill-akkużi serjissimi li qed isiru kontrih.

Din hi l-istqarrija li għamel Galdes fuq Facebook:

F’kull komunikazzjoni li kelli mal-Malita, l-uniku interess tiegħi kien li jitnaqqas id-dewmien u li l-proġetti tal-akkomodazzjoni pubblika jimxu b’ritmu aċċettabbli għall-familji li qed jistennewhom. Il-kumpanija għandha struttura maniġerjali tagħha, u bħala Ministru l-irwol tiegħi dejjem kien wieħed ta’ sorveljanza politika ġenerali, mhux ta’ intervent operattiv. Dik hi r-responsabbiltà tiegħi u l-obbligu tiegħi lejn il-pubbliku.