Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq serq minn residenza, minn ambulanza u ħsara nvolontarja fuq karozza

Jason Joseph Vince Schembri ta’ 43 sena, imwieled il-Kanada u mingħajr indirizz fiss,ġie kundannat għal 19-il xahar priġunerija sospiża għal erba’ snin fuq serq ta’ flus minn residenza f’Marsalforn ta’ dik li kienet il-ħabiba tiegħu u anke għal xi żmien kien f’relazzjoni magħha, u li daħal fid-dar tagħha biex iwettaq reat.

Huwa nstab ħati wkoll mill-Maġistrat Jean Paul Grech li kkaġuna ħsara nvolontarja fuq il-karozza tagħha li wettaq serqa ta’ basket minn ambulanza ta’ ħaddiem fil-qasam tas-saħħa li kien fih xi oġġetti. L-akkuża ta’ miżappropjazzajoni waqgħet u għalhekk ma nstabx ħati filwaqt li lanqas ma nstab li sar recediv. Schembri jaħdem fis-sewqan tal-ambulanzi u li bħalissa jinsab sospiż mix-xogħol.

Il-Qorti preseduta ordnatlu wkoll jagħmel tajjeb għall-ħsara ta’ €2,050.61 lil vittma mara u €200 lil raġel vittma, fil-limitu ta’ sitt xhur. Ir-raġel vittma kellu fil-baskett ċwievet, kartiera, charger, ġakketta, case tan-nuċċali u xi oġġetti oħra.

Schembri tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ obbligazzjoni personali ta’ sena taħt penali ta’ €1,000 biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-vittmi u l-bon ordni pubbliku. Is-sensiela ta’ każijiet li jvarjaw bejn Mejju u Lulju tal-2024 f’Għawdex u Malta. Il-każ beda fit-22 ta’ Ġunju meta dik li kienet il-ħabiba tiegħu ċemplet lill-Għassa tar-Rabat, Għawdex, u rrappurtat li kienet sabet €325 neqsin mill-kaxxa tad-dar tagħha f’Marsalforn, flimkien ma’ tliet ċwievet.

Il-vittma, li għandha sistema ta’ sorveljanza installata fid-dar, ipprovdiet lill-Pulizija filmat li juri raġel dieħel fir-residenza tagħha mingħajr permess. Hija identifikat lir-raġel bħala Schembri, li kienet taf u li kien żar id-dar tagħha qabel, iżda li qatt ma kien ingħata ċ-ċavetta tar-residenza. Il-Pulizija nnotaw li ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ sgass, fatt li intensifika s-suspett li d-dħul sar b’ċavetta kompatibbli.

Erbat ijiem wara, fit-26 ta’ Ġunju, Pisani ressqet rapport ieħor, din id-darba dwar il-vettura tagħha, Toyota Vitz, li kienet tat lil Schembri b’kuntratt verbali biex jixtriha għal €5,000. Hija qalet li l-imputat ħallas biss €1,500 u baqa’ ma rritornax il-karozza minkejja li qal li ma kellux aktar interess li jixtriha.

Meta l-vettura eventwalment ġiet irkuprata fit-22 ta’ Lulju, instabet bi ħsarat li qabel ma kinux jeżistu, kif ukoll b’pjanċi barranin. Il-Pulizija ntebħu wkoll li l-vettura kienet intużat fuq licenzja skaduta u li fuqha kienu ttellgħu tliet multi totali ta’ €320 waqt li kienet fl-użu tal-imputat.

Il-każ ta’ Marsalforn twassal biex jinfetaħ ieħor fid-29 ta’ Ġunju meta xufier tal-ambulanzi, irrappurta li ġie misluf basket griż mill-ambulanza li kien ipparkjat quddiem id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei.

Filmat tas-sigurtà pprovdut mill-gwardjan Dusan Pantovic wera Toyota Vitz simili għal dik ta’ Pisani tipparkja ħdejn l-ambulanza u raġel b’leħja twila jieħu l-basket mill-ambulanza. Minkejja li n-numru tar-reġistrazzjoni ma deherx, il-vettura kellha tape iswed fuq il-bumper—karatteristika li dehret aktar tard fil-vettura meta nstabet. Il-vittma identifika lill-persuna fil-filmat bħala Schembri, li qabel kien jaħdem isuq ambulanzi.

L-Ispettur Keith Xerri spjega li t-tfittxija għall-imputat kompliet għal ġimgħat minħabba li ma kellux indirizz fiss. Fil-2 ta’ Lulju ġie awtorizzat mandat ta’ arrest u fl-12 ta’ Lulju Schembri deher il-Għassa tal-Ajruport biex jagħmel rapport mhux relatat, fejn immedjatament ġie arrestat bħala persuna mfittxija.

Il-Pulizija, minħabba li l-imputat kien bla saqaf fuq rasu, wettqu tfittxija fil-vettura tal-kiri li kien qed isuq u ssekwestraw diversi oġġetti: vest ta’ ambulanzi, logbook, polza tal-assigurazzjoni tal-vettura ta’ Pisani, ID tag tal-isptar bl-isem tal-akkużat, liċenzja tas-sewqan Kanadiża skaduta, credit card misruqa u tliet settijiet ta’ ċwievet.

Wieħed miċ-ċwievet instab li jiftaħ is-serratura tal-mara b’mod perfett, fatt li ġie vverifikat fil-Qorti meta infetħet l-evidence bag u saret il-prova prattika. Dan kkontradixxa l-istqarrija li ta l-imputat, li fiha qal li qatt ma kellu ċ-ċavetta tar-residenza tagħha.

Fir-rigward tas-serqa tal-basket tal-ambulanza, Schembri ammetta li kien hu l-persuna fil-filmat iżda sostna li l-basket kien tiegħu. Il-Pulizija qalu li minkejja li instab xi basket fil-vettura tal-kiri, dan ma kienx tal-vittma skont verifika magħmula ma’ l-istess vittma.

Fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, Schembri ammetta li ħallas parti mill-prezz tal-karozza u qal li ma riedx jirritornaha lil mara qabel ma jingħata lura s-somma mħallsa. Dwar id-dħul fir-residenza tagħha, huwa ddikjara li “ma jiftakarx” x’għamel dak il-jum iżda ammetta li ġieli daħal “inkiss inkiss” biex ma jqajjimx lill-vittma.

Il-mara rrakkuntat li meta marret tiġbor il-vettura sabitha f’kundizzjoni ħażina ħafna u b’ħsarat li qabel qatt ma eżistew: tieqa miksura, tyres mibdulin u ċatti, hubcaps neqsin, il-vettura bla ilma, bla żejt u bla petrol, bonnet li ma jingħalaqx, dwal ta’ wara li ma jagħmlux, ħsarat fil-bieba, fil-bumper u grif estensiv fuq in-naħa tax-xellug.

Il-bumper ta’ quddiem kien mibdul u fuqu kien hemm tape iswed li hi qatt ma waħħlet. Barra minn hekk, il-pjanċi oriġinali FCR 421 kienu tneħħew u nstabu oħrajn barranin minflok. Hija ppreżentat ritratti meħuda minnha u missierha fil-preżenza tal-Pulizija, u spjegat li kellha tirmonka l-vettura għal Għawdex bi spiża ta’ €150 minħabba li kienet bla licenzja u bla polza.

Fil-vettura sabet ukoll li kienu neqsin xi oġġetti personali, fosthom tambur li jiswa €100, ħwejjeġ u żraben. u qalet li minkejja l-ħsarat kollha kienet lesta li tirtira l-akkuża tal-misapproprjazzjoni, ladarba l-vettura ġiet ritornata.

Ix-xhud kompliet billi rrakkuntat dwar is-serqa li seħħet fit-22 ta’ Ġunju 2024 fir-residenza tagħha. Qalet li kienet bdiet tinnota ammonti żgħar ta’ flus neqsin fl-aħħar ġimgħat, u dakinhar tat rapport iddeċidiet tixgħel kamera tas-sigurtà li normalment tkun mixgħula biss meta tkun barra minn Malta. Il-kamera turi l-bieb ewlieni u l-mejda tal-ikel u tagħti live feed.

F’ħin minnhom hi rċeviet notifika u fil-filmat deher l-imputat jidħol fl-appartament tagħha permezz ta’ ċavetta. Il-vittma insistiet li qatt ma kienet tatlu ċ-ċavetta u li fil-filmat hu jidher jdur lejn l-inħawi fejn iżżomm il-flus.

Għalkemm il-kamera ma tarax direttament il-gradenza, Pisani qalet li l-imputat kien jaf li hemm kienet iżżomm xi ammont. Il-kamera waqfet tirrekordja minħabba s-settings tagħha, iżda l-ħin tas-serqa kien madwar 5.15pm. Wara sabet €325 neqsin, ammont li kienet żammet fil-kexxun. Qalet ukoll li fil-ġimgħat ta’ qabel kienet sabet flus neqsin iżda ma kinitx irrappurtat.

Hija ddeskriviet kif wara s-serqa sabet ukoll neqsin sett ta’ ċwievet abbinati mas-serratura tal-appartament. Hija kkonfermat li kellha tlett kopji ta’ dawn iċ-ċwievet: tnejn fid-dar u oħra li nstabet eventwalment issekwestrata mill-Pulizija u esebita fil-Qorti.

Qalet li hi kienet tafda ċavetta lil xi ħbieb iżda qatt ma tat waħda lil Schembri, u lanqas qatt ma awtorizzatuh jidħol waħdu. Hija qalet li jista’ jkun seraq iċ-ċavetta jew għamel kopja minn waħda li kien sab.

Hija kkonfermat li kienu ħbieb u li f’ċertu punt ir-relazzjoni kienet saret intima. Hija spjegat li taħdem bħala mobile hairdresser u li fil-filmat li tat lill-Pulizija Schembri jidher jidħol u jmur dritt lejn il-post fejn iżżomm il-flus. Qalet ukoll li fil-passat kien rahă toħroġ il-flus mill-gradenza u li issa temmen li xi serqiet kienu seħħew ukoll qabel il-22 ta’ Ġunju.

Meta ġiet mistoqsija jekk l-imputat kienx awtorizzat juża xi ċavetta li kienet taħt it-tapit, Hi ċaħdet dan u spjegat li meta kien imur għandha kienet dejjem tidħol miegħu u tiftaħlu hi. Fil-każ tas-serqa, qalet li l-imputat seta’ daħal b’ċavetta li seraq minn ġewwa r-residenza, peress li dik taħt it-tapit kienet għadha hemm.

Dwar il-vettura, kkonfermat li meta tat il-karozza lil Schembri f’Mejju 2024 kienet b’kundizzjoni tajba ħlief għal ftit grif u skorfina żgħira. Qalet li rat il-vettura fi żmien li kien jużaha l-imputat u anke’ rikbet fiha darba jew tnejn fl-ewwel ġimgħatejn, iżda dak iż-żmien ma kellhiex il-ħsarat estensivi li sabet meta ġiet ritornata.

Hija qalet li l-akkużat kien abbanduna l-vettura u ma setgħetx tivverifika l-kundizzjoni tagħha sa meta l-Pulizija sabuha fil-Mistra. Il-vittma. Ir-raġel vittma li jaħdem ma’ tal-ambulanzi xehed li hu jaħdem fid-Dipartiment tal-Outpatients f l-Isptar Mater Dei bħala ambulance porter, fejn il-kompitu tiegħu hu li jakkumpanja l-pazjenti lejn u mill-Isptar Mater Dei.

Huwa spjega li fid-29 ta’ Ġunju 2024, għall-ħabta 12:15pm innota li l-basket tiegħu ta’ lewn griż li kien fin-nofs tas-seat ta’ quddiem ġewwa l-ambulanza kien nieqes. Fil-ħin tas-serqa, l ambulanza kienet ipparkjata quddiem l-entratura tad-Dipartiment tal Outpatients fl-Isptar Mater Dei. Meta ġie mistoqsi mill-Qorti jekk hu jkunx assenjat mal-istess ambulanza meta huwa jkun xogħol, ix-xhud ikkonferma li fil-ġurnata tas-serqa, kien qed juża l-istess ambulanza.

Ix-xhud spjega wkoll li kienu pparkjaw l ambulanza għall-ħabta ta’ 12:00pm u nduna li l-basket kien nieqes xi siegħa wara. Ix-xhud qal li fil-basket personali tiegħu, kellu diversi oġġetti, fosthom: iċ ċwievet, inkluż dawk tad-dar tiegħu, il-kartiera li fiha kien hemm il-karta’ tal-identita’ Maltija kif ukoll dik tal-pajjiż oriġinali tiegħu, credit cards, case tan-nuċċali, estensjoni manjetika għan-nuċċali tax-xemx, charger, ġakketta sewda, sunscreen, nail clippers u umbrella.

x-xhud ikkonferma li l-ambulanza ma tissakkarx u li normalment, hu u s sewwieq biss ikollhom aċċess għaliha, u l-pazjenti jiddaħħlu minn wara. Jgħid ukoll li malli nduna li l-basket insteraq, ix-xhud mar jipprova jagħmel rapport ġewwa l-għassa li tinsab ġewwa l-Isptar Mater Dei.

Pero huwa ngħata struzzjonijiet sabiex jagħmel rapport ġewwa l-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema. Ix-xhud ikkonkluda li l-kollegi tiegħu identifikaw lill-persuna li kien ħadlu l basket bħala Jason Schembri. Dan kien jaħdem l-isptar fil-passat. Żied jgħid li Dusan ra l-filmat u ra lill-akkużat jipparkja quddiem l-ambulanza, jiftaħ il-bieba u jieħu l-basket.

Il-Qorti qalet li temmen li jkun idoneju li hija tapplika l-artikolu 28A għal żewġ raġunijiet, li għalkemm l akkużat mhuwiex a first time offender, l-aħħar kundanna li kellu tmur lura għal 5 ta’ Novembru 2001. Qalet li tqis li għandha tagħti ċans ieħor lill-akkużat biex jirriforma ruħu.

Aktar importanti minn hekk il Qorti għandha interess wkoll li l-akkużat jħallas lill-vittmi tiegħu mill-aktar f is possibbli, ħaġa li ma tkunx possibbli li ssir jekk huwa jingħata piena ta’ ħabs effettiv. Il-Qorti għaldaqstant ikkundannat lill-imputat 19 -il xahar ħabs sospiżi għal żmien erba’’ snin.

Il Qorti ordnat wkoll lill-ħati Jason Joseph Vince Schembri sabiex iħallas lill-vittmi l-ammonti kollha. Finalment il-Qorti wara li rat l-artikolu 383 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta sabiex tipprovdi għas-sigurta tal-vitmti kif ukoll sabiex jinżamm il-bon ordni pubbliku qiegħda torbot lill-ħati Jason Joseph Vince Schembri taħt obbligazzjoni tiegħu nniffsu għal perjodu ta’ sena u dan taħt penali €1,000.