Miż-żidiet fil-miżati tal-Awtorità tal-Mediċini li ddaħħlu baxx baxx b’avviż legali mill-Gvern, se jbati l-konsumatur – jiġifieri se jbatu l-pazjenti, il-persuni vulnerabbli u l-anzjani li għandhom bżonn il-kura.
Dawn it-tariffi ġodda – li ddaħħlu bla ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-aġenti dwar dawn iż-żidiet – mhuma xejn ħlief taxxa ġdida li se jbatu l-konsegwenzi tagħha l-kumpaniji li jimpurtaw il-mediċini f’pajjiżna, u dan se jkun rifless fil-prezzijiet tal-mediċini li jintużaw f’pajjiżna, u li se jiżdiedu.
L-avviż legali għolla mhux biss it-tariffi għall-applikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ mediċini ġodda li jiddaħħlu f’Malta – li f’ħafna każi għolew b’mod eżorbitanti, imma anke l-miżati annwali tal-ispiżeriji.
L-aqwa li l-Gvern jagħtik żieda ta’ €4.66 fil-ġimgħa li fuqha se tibqa’ tħallas it-taxxa!
L-aqwa li l-pensjonanti tajniehom €10 li nofshom huma ż-żieda tal-COLA, waqt li bil-kumplament issa jridu jixtru l-mediċini bi prezz ogħla!
U l-aqwa li l-Gvern jiftaħar li fil-budget ma daħħal l-ebda taxxa ġdida!
Imma mbagħad, bejn budget u ieħor, idaħħal taxxi moħbija li se jkomplu jitfgħu piż fuq dawk li jiddependu fuq is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna.
Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-mediċini se jkomplu jżidu wkoll mal-pressjoni fuq dawk li qed ikollhom iħallsu minn buthom għall-mediċini għax il-prodotti li għandhom bżonn ikunu out-of-stock. Dan minbarra l-waiting lists ma jispiċċaw qatt għall-operazzjonijiet, u l-falliment tal-Gvern li jindirizza l-kriżi tal-iffullar u l-kjuwijiet fl-isptarijiet li mhumiex qed ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Imma l-aqwa li l-Gvern qalilna li ġab “rebħa” għal pajjiżna fl-arbitraġġ dwar is-serqa tal-isptarijiet!
//= $special ?>

