Ġabra ta’ punti u osservazzjonijiet ta’ interess wara li l-bieraħ ġiet fit-tmiemha match day numru 12 tal-Malta Premier
- Birkirkara s’issa kienu l-aktar tim flessibli fil-forom tattiċi adottati, u fid-diversi sistemi li lagħbu bihom fl-ewwel 12-il partita tal-Malta Premier. L-aktar tliet sistemi komuni li t-timijiet ta’ Birkirkara lagħbu bihom dan l-istaġun fil-Malta Premier kienu 4-2-3-1, 4-3-3 u 5-3-2.
- Minn naħa l-oħra, Sliema Wanderers u Żabbar St Patrick qed ikunu l-aktar żewġ timijiet li normalment qed jagħżlu li jżommu ma’ sistema tattika waħda u allura dan jagħmilhom aktar prevedibbli għal kwalunkwé avversarju li jkun se jilgħab kontra tagħhom.

L-iskwadra ta’ Sliema Wanderers qabel waħda mill-partiti riċenti tal-Malta Premier
- Sliema Wanderers hu t-tim li qed jilgħab l-aktar, b’line-up ta’ tliet difensuri ċentrali. 54% tal-ħin milgħub s’issa mill-iskwadra ta’ Paul Zammit kien b’formazzjoni ta’ 3-5-2. L-aktar xebħ viċin li jista’ jsir għal Sliema Wanderers minn tim ieħor li qed jagħżel li jilgħab b’mod frekwenti b’sistema ta’ tliet difensuri ċentrali, li tkun ikkumplimentata minn żewġ wingers li jkollhom rwol li jattakkaw u jiddefendu l-linja rispettiva tagħhom, huma Valletta. Filwaqt li s-sistema ta’ 3-5-2 hija l-aktar waħda utiliżżata mill-kowċ Thane Micallef, Valletta qed ikunu aktar flessibli minn Sliema Wanderers, fl-għażla tas-sistema tattika li jimplimentaw waqt logħba. S’issa rajna lill-Beltin jalternaw il-logħba tagħhom għal modulu tattiku kemm ta’ 4-4-2 kif ukoll dak ta’ 5-3-2.
- Fil-każ ta’ Żabbar St Patrick, l-eks kowċ ta’ Roma fil-livell taż-żgħażagħ taħt it-18-il sena, Aniello Parisi qed jagħżel li jesperimenta mill-inqas, u għalhekk qed jilgħab kważi dejjem b’dehra tattika ta’ 4-2-3-1. Din is-sistema toffri approċċ bilanċjat u tipprovdi struttura b’saħħitha fid-dipartiment difensiv, kif ukoll toffri aktar flessibiltá fil-mod ta’ kif tim jattakka.

Il-kowċ ta’ Żabbar St Patrick, Aniello Parisi
- Mill-partiti li ntlagħbu f’match day 12, Sliema Wanderers kellhom numri li jispikkaw fuq il-bqija tat-timijiet l-oħra. Huma għelbu lil Birkirkara 2-1, f’konfront validu mit-Top Six u wara li dawru telfa f’rebħa b’żewġ gowls fit-tieni taqsima. F’din il-match day, il-blues kellhom l-akbar ammont ta’ xuttijiet lejn il-lasta avversarja; 18-il xutt u l-inqas ammont ta’ xuttijiet minn tim avversarju lejn il-lasta difiża minnhom; tliet xuttijiet. Kontra Birkirkara, il-Wanderers lagħbu b’difiża għolja u din l-istrateġija tattika ħadmet tajjeb, tant li għamlitha diffiċli għall-avversarji biex jippenetraw fl-attakk, tant li d-distanza medja tax-xuttijiet li kellhom l-Istripes fl-attakk kienet ta’ kważi 30 metru.
- Wara li kull tim lagħab 12-il partita mill-bidu tal-Malta Premier, Marsaxlokk u Tarxien Rainbows huma l-uniċi żewġ timijiet li s’issa għadhom qatt ma kellhom penalty imsaffar favur tagħhom.
- F’match day 12 kelna 14-il gowl skorjat, b’gowl wieħed minnhom biss kien skorjat fl-ewwel kwarta tal-partita. Dan kien tad-difensur żagħżugħ mill-Ekwador, Luis Córdova ta’ Birkirkara, li fl-20 logħba tiegħu fil-Malta Premier skorja l-ewwel gowl tiegħu f’pajjiżna.
- Wieħed mill-plejers barranin ġodda li għadna qed jilgħabu dan l-istaġun f’pajjiżna, u li forsi ftit qed nitkelmu dwaru, hu l-winger ta’ fuq ix-xellug, Mailson Lima ta’ Hibernians. L-eks internazzjonali ta’ Cape Verde, f’match day 12 lagħab biss 22 minuta fil-konfront kontra Naxxar Lions u f’disa’ partiti li lagħab mal-Pawlisti, kienu biss darbtejn id-drabi li lagħab id-90 minuta sħaħ. Minkejja dan, Lima hu l-aktar plejer tal-Malta Premier dan l-istaġun, bl-akbar ammont ta’ assists. Lima, li staġun ilu rebaħ is-Super League tal-Indoneżja ma’ PERSIB Bandung, s’issa serva erba’ assists; wieħed kontra Naxxar Lions u ieħor kontra Marsaxlokk u tnejn f’logħba waħda kontra Tarxien Rainbows.

Pedro Cejas, l-attakkant ta’ Żabbar St Patrick
- L-attakkant Arġentin ta’ Żabbar St Patrick, Pedro Cejas hu l-aktar plejer li bħala medja kellu fawls imsafra favur tiegħu f’kull logħba; 2.78. It-tieni l-aktar plejer li sa match day 12 tal-Malta Premier, bħala medja f’kull partita, rebaħ fawls, hu l-attakkant żagħżugħ ta’ 21 sena ta’ Ħamrun Spartans, Saliou Thioune; 2.58.


