Xjenza Malta, flimkien mal-Istitut għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), iffirmaw ftehim reġjonali msejjaħ “MT Regional Innovation Booster”.
Xjenza Malta, l-Aġenzija Governattiva Nazzjonali responsabbli mir-riċerka, l-innovazzjoni u l-ispazju, iffirmat ftehim mal-EIT sabiex tniedi l-ewwel edizzjoni ta’ għajnuna speċifika fl-hekk imsejjaħ “Regional Innovation Booster” (RIB).
Dan il-ftehim importanti jimmarka pass kbir ’il quddiem fit-tisħiħ tal-ekosistema tal-innovazzjoni ta’ Malta. Dan il-programm ġdid ser jappoġġja l-istartups u scaleups lokali fl-aċċess għas-swieq internazzjonali u l-opportunitajiet ta’ investiment.
Il-Kap Eżekkutiv ta’ Xjenza Malta kien ukoll mistieden biex jiddiskuti u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-beneffiċċji li Malta ser takkwista b’dan il-programm specifikament dedikat għall-industrija.
L-MoU ġie ffirmat fil-25 ta’ Novembru 2025 fl-EIT Innovation Awards, f’Budapest. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Malta ngħaqdet mal-EIT, wieħed mill-aktar istituti b’saħħithom tal-Ewropa għall-innovazzjoni, u b’hekk ser tiftaħ aċċess għal għarfien, imsieħba strateġiċi, u finanzjament li jistgħu jaċċelleraw b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet tal-innovaturi Maltin.
Is-sħubija l-ġdida ser tipprovdi lir-riċerkaturi u lill-intraprendituri triq aktar ċara u interkonnessa għat-tkabbir u s-suċċess tan-negozju.
Il-programm EIT RIB ser jgħin riċerkaturi promettenti sabiex jiftħu negozji ta’ suċċess filwaqt li jagħti wkoll lill-istartups eżistenti perkors bla xkiel għat-tkabbir kummerċjali u l-espansjoni internazzjonali.
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta tiżgura li l-innovaturi lokali jistgħu jaċċessaw dawn l-opportunitajiet simplifikati u jibbenefikaw minn appoġġ aktar robust u kkoordinat.
Billi tgħaqqad riċerkaturi, innovaturi, u negozji, l-inizjattiva ser tiżgura li l-appoġġ jibqa’ prattiku, rilevanti, u allinjat mal-isfidi tad-dinja reali. Dan il-programm għandu l-għan li jbiddel riċerka ta’ kwalità għolja f’impriżi vijabbli. Din l-iskema ġdida ser tinfetaħ għall-applikazzjoni fl-ewwel kwart tal-2026.
Il- Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri, ġie mistieden ukoll fuq panel, sabiex jiddiskuti u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-benefiċċji li Malta se tikseb minn dan il-programm, iddedikat speċifikament għall-industrija.
Meta tkellem dwar l-inizjattiva, Scerri rrimarka: “Din l-inizjattiva l-ġdida ta’ Xjenza Malta hija importanti ħafna għal Malta peress li ser toffri gwida, finanzjament, u pariri mingħand esperti fis-settur sabiex l-ideat ikunu kkummerċjalizzati u jimxu fi swieq anke internazzjonali.
Martin Kern, id-direttur tal-EIT qal “Ninsabu kuntenti ħafna li Malta ngħaqdet mal-proġett pilota tal-EIT Regional Innovation Booster. Napprezzaw dan ir-rikonoxximent tal-valur tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-EIT fl-aċċellerazzjoni tat-tkabbir ta’ negozji ġodda b’potenzjal għoli ta’ innovazzjoni. Dan jagħti lill-innovaturi Maltin għodda biex jespandu internazzjonalment u jirċievu l-appoġġ tal-Komunità kollha tal-EIT, u jiżgura li soluzzjonijiet innovattivi jkunu jistgħu jikbru u jagħmlu impatt.”
//= $special ?>
