Internazzjonali

Hong Kong: Jinħarqu ħajjin f’waħda mill-akbar traġedji għal snin

Ir-residenti ta’ Hong Kong jinsabu f’luttu wara waħda mill-akbar traġedji fl-istorja ta’ din l-eks kolonja Britannika li llum tifforma parti miċ-Ċina.

Dan meta mietu talanqas 20 f’nirien li ħakmu diversi blokok ta’ appartamenti fid-distrett ta’ Tai Po — b’ħafna oħrajn jisfaw midruba.

Ħafna mill-vittmi nħarqu ħajjin fis-sulari tal-bini u f’sitwazzjoni fejn huma ma setgħux jaħarbu mill-fjammi li ħakmu l-istrutturi f’qasir żmien.

Intant, il-mijiet tal-firefighters li wieġbu għall-emerġenza ilhom is-sigħat jippruvaw jikkontrollaw in-nirien fil-bini –li huma residenzi għal xi 4,600 persuna.

Ir-rapporti qalu wkoll li miet talanqas membru tal-iskwadri għall-emerġenzi waqt din is-sitwazzjoni terribbli…Dan ukoll fost rapporti, mhumiex ikkonfermati, li numru ta’ nies għadhom maqbudin f’sezzjonijiet tal-bini – bil-firefighters jispiċċaw fi ġlieda disprata mal-ħin biex isalvawhom.

L-awtoritjiet f’Hong Kong, intant, ikklassifikaw din l-inċidenza tan-nirien bħala ‘kategorija ħamsa’ u li jfisser l-aktar livell serju ta’ emerġenza ta’ dan it-tip fit-territorju.