Festi Lokali

Il-Belt Valletta tibda tilbes il-libsa tal-festi

Catriel Farrugia Sghendo

Il-Belt Valletta bdiet tilbes il-kuluri tal-Milied hekk kif minn din il-ġimgħa tnieda uffiċjalment il-programm uffiċjali ta’ żmien il-festi.

Waħda mill-akbar attrazzjonijiet hija s-siġra tal-Milied, li ssawret mill-artist Henry Galea – b’tul ta’ 15.6 metri u wisgħa ta’ 6.5 metri.

Fl-aħħar jiem, il-Kap tal-PN Alex Borg feraħ personalment lil dan l-artist u lill-kumplament tat-tim għax-xogħol mill-isbaħ li wettqu.

Din is-siġra tinsab fid-daħla tal-Belt, eżatt quddiem il-Parlament.

Is-siġra ta’ din is-sena tesponi l-arti u s-sengħa Maltija. U hija verament opra ta’ arti, li tnessi kompletament il-kontroversja tas-sena li għaddiet.

Ilbieraħ, inxtegħlu wkoll d-dwal festivi fit-toroq ewlenin tal-Belt.

Intant, il-programm tal-festi jinkludi il-purċissjoni tradizzjonali bil-bambin li kienet inbdiet minn San Ġorġ Preca, kif ukoll iċ-ċelebrazzjoni ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena.