Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum ħa sehem f’Summit Informali Straordinarju tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) imsejjaħ mill-President Manfred Weber. Il-laqgħa, li saret online, kellha l-għan li tiddiskuti l-aħħar żviluppi b’rabta mal-kunflitt fl-Ukrajna, filwaqt li tissaħħaħ il-pożizzjoni komuni tal-partiti membri tal-PPE.
Fil-laqgħa pparteċipaw fost l-oħrajn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, diversi Prim Ministri u Viċi Prim Ministri kif ukoll Kapijiet tal-Oppożizzjoni minn partiti politiċi fi Stati Membri tal-UE li jiffurmaw parti mill-familja politika tal-PPE.
Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja l-pożizzjoni ta’ Malta favur is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u jaqbel mal-messaġġ ċar li qed jibgħat l-PPE li l-futur tal-Ukrajna għandu jiġi deċiż mill-Ukrajna stess u mhux mir-Russja.
Dan il-prinċipju bażiku għandu jibqa’ ċentrali fil-pożizzjoni Ewropea u fil-proċessi diplomatiċi kollha.
Fir-rigward tal-kunflitt fl-Ukrajna l-Unjoni Ewropea trid tibqa’ magħquda. L-appoġġ politiku, ekonomiku u umanitarju lejn l-Ukrajna għandu jibqa’ sod biex tiġi żgurata paċi li tagħti sigurtà fit-tul lill-poplu Ukren. Instabbiltà fl-Ewropa taffettwa direttament lill-Mediterran u lil Malta, speċjalment fl-oqsma tar-riżorsi, il-migrazzjoni u s-sigurtà reġjonali.
Il-PN u l-PPE jappellaw lill-Ewropa biex tibqa’ tiddefendi l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u biex ma ċċedix għall-pressjoni jintlaħaq xi ftehim li jagħti vantaġġ lill-aggressuri.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea.
//= $special ?>
