Il-Maġistrat Monica Vella – l-Erbgħa filgħodu ħelset lil Keith Schembri, Yorgen Fenech, Sandro Craus, Anthony Mario Ellul u Anthony Muscat mill-akkużi li kienu qed jiffaċċjaw dwar xogħol fantażma allegatament mogħti lil Melvin Theuma. Wara li ngħatat is-sentena l-prosekuzzjoni ddikjarat li kien se tressaq appell.
Il-ħames irġiel kienu qed jiġu akkużati serjament bil-ħtif u l-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi, iżda kollha kemm huma ċaħdu l-akkużi. Il-proċess kollu kien ibbażat fuq ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Theuma kien xehed li ħames xhur qabel il-qtil ingħata xogħol mal-gvern, qatt ma mar għax-xogħol, iżda xorta kien jirċievi paga.
Huwa sostna wkoll li kien ġie mistieden għal laqgħa ma’ Keith Schembri f’Kastilja. Fuq dawn l-allegazzjonijiet, il-pulizija ressqu l-akkużi kontra l-ħames akkużati. Madankollu, il-każ sfaxxa kompletament meta Theuma rrifjuta li jiffaċċja l-interrogazzjoni mill-avukati tad-difiża minkejja twissija tal-qorti.
L-iskuża tiegħu kienet il-biża’ li jinkrimina lilu nnifsu u n-nuqqas ta’ ċertezza dwar jekk il-maħfra presidenzjali li ngħatatlu fil-każ tal-qtil kinitx tkopri wkoll dan il-każ. F’Ottubru tal-2024, il-qorti ddeċidiet li x-xhieda tiegħu ma setgħetx tibqa’ tintuża, għax mingħajr kontra-eżami kienet tikser prinċipji bażiċi ta’ ġustizzja u tħalli lid-difiża mingħajr mezzi biex tikkontesta l-verżjoni tiegħu. Għalhekk, it-talba tad-difiża biex ix-xhieda tiegħu tinqala’ kienet aċċettata.
Wara din id-deċiżjoni, Theuma ppreżenta nota fil-qorti jgħid li kien lest jerġa’ jixhed u jiffaċċja l-kontro-eżami. Iżda l-Maġistrat Vella ma aċċettatx din it-talba, u lanqas talba oħra simili li kienet ġiet ippreżentata minnu, billi kkunsidrat li l-ħsara diġà kienet saret u li ma setax jerġa’ jinfetaħ kapitlu li kien ingħalaq skont il-liġi.
Meta spiċċat taqra s-sentenza, il-qorti kkonkludiet li mingħajr ix-xhieda ta’ Theuma, il-prosekuzzjoni ma kellha ebda prova valida fuq liema tkun tista’ tibni l-każ kontra l-akkużati. Għaldaqstant, l-erba’ uffiċjali u l-ex CEO ġew kollha ġew illiberati. Wara s-sentenza, l-ispetturi Nicholas Vella u Brian Paul Camilleri, li jmexxu l-prosekuzzjoni, informaw lill-qorti li se jmorru għal appell.
Il-proċess involva diversi avukati: Edward Gatt u Mark Vassallo dehru għal Schembri; Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran għal Fenech; Michael u Lucio Sciriha flimkien ma’ Roberto Spiteri għal Craus; Vince Micallef, Jacob Portelli u Ryan Ellul għal Anthony Mario Ellul; filwaqt li Stefano Filletti deher għal Muscat. Melvin Theuma kien rappreżentat minn Matthew Brincat u Kathleen Calleja Grima.
Din id-deċiżjoni tagħti piż qawwi lill-prinċipju li xhud li ma jħallix lill-parti l-oħra tistaqsih ma jistax jibqa’ jintuża fil-proċess, anke jekk il-każ ikun ta’ profil għoli. Il-punt kruċjali tal-appell issa x’aktarx ikun jekk il-maġistrat kellhiex tapprezza d-dikjarazzjoni tardiva ta’ Theuma li kien lest li jagħti x-xhieda tiegħu, anke jekk tard.
//= $special ?>

