Lokali

Il-prezzijiet tal-propjetà: “Kull ġurnata spiċċajna agħar”

Prezzijiet li ma naffordjawx. Sitwazzjoni li ħarbet minn kull kontroll. Din hi s-sistema ta’ min qalilna “sinjur żgħir”.

Dawn huma biss uħud mill-baraxx ta’ kummenti fuq il-media soċjali wara l-istudju ta’ din il-ġimgħa illi wera li l-prezz medju ta’ appartament ilaħħaq l-€414,000. U li jfisser li il-prezzijiet ta’ appartamenti żdiedu b’medja ta’ €40,000 f’temp ta’ sena.

Dan l-istudju ġab miegħu mijiet ta’ reazzjonijiet min-nies. B’uħud jgħidu li din is-sitwazzjoni tista’ tiġi spjegata b’motto wieħed: kull ġurnata qed immorru għall-agħar – kemm fuq kwistjonijiet ta’ housing kif ukoll il-kwalità tal-ħajja. Dan filwaqt illi kien hemm min qal li din is-sitwazzjoni hi turija ċara ta’ sistema immexija mir-rgħiba.

Ħafna nies spjegaw illi huwa inutli li l-Gvern jagħti inċentivi fiskali biex il-koppji jkollhom aktar tfal, meta koppja bilkemm qed taffordja tixtri fejn toqgħod. “Allura fejn se jitrabbew it-tfal?”, staqsa wieħed mill-persuni li kkummentaw.

Intant, dan l-istħarriġ dwar il-proprjetà wera kif persuni waħedhom qed jaffaċċjaw sfidi kbar biex jixtru l-ewwel dar tagħhom – fejn persuni li għandhom qrib it-30 sena jaffardjaw biss 3.1% tal-proprjetà lesta li hawn fis-suq.

Imbagħad, dawk il-persuni li għandhom fuq it-30 sena u jaqalgħu madwar €40,000 fis-sena jaffordjaw 41.8% tal-proprjetà.