Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tiddikjara li l-UPE għamlet kummenti diffamatorji fil-konfront tal-MUT

L-Union tal-Għalliema – il-MUT – kisbet rebħa importanti fil-Qorti tal-Appell wara li din iddeċidiet li l-Union of Professional Educators (UPE) għamlet stqarrijiet diffamatorji kontra tagħha waqt in-negozjati tensi għall-ftehim settorjali fl-2023.

Id-deċiżjoni, li nħarġet l-Erbgħa, ħasret kompletament is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet ċaħdet it-talba għal libell tal-MUT. Il-każ kien ibbażat fuq pubblikazzjoni tal-UPE ta’ Novembru 2023 li kienet ippubblikata fuq il-website tagħha u li, skont l-MUT, kienet tinkludi allegazzjonijiet foloz u maħsuba biex jippreġudikaw ir-reputazzjoni tagħha f’mument kruċjali tan-negozjati mal-gvern.

L-artiklu kontestat kien jakkuża lill-MUT li qed iqarraq bl-edukaturi, li aċċettat proposti finanzjarji tal-gvern wara dahar il-membri tagħha, li kienet qed tinnegozja ftehim “illegittimu”, u li kienet qed tistrieħ fuq “insiders” li kienu qed ixxerrdu informazzjoni kunfidenzjali.

Il-Qorti tal-Appell sabet li dawn l-allegazzjonijiet kellhom natura ċar diffamatorja u li kienu maħsuba biex idgħajfu l-appoġġ tal-għalliema lejn id-direttivi tal-MUT u l-istrajk ippjanat dak iż-żmien. Il-Qorti osservat li l-artiklu ġie ppubblikat f’mument meta n-negozjati kienu f’fażi delikata u taħt pressjoni pubblika qawwija, u li l-kliem tal-UPE ma setax jitqies bħala kritika normali bejn żewġ unions li jikkompetu bejniethom.

B’hekk, il-Qorti rrevokat is-sentenza tal-ewwel istanza li kienet ikkunsidrat dawn l-istqarrijiet bħala “fair comment”. Fil-kontra, il-Qorti tal-Appell iddikjarat li l-kontenut kien “jġorr tifsira diffamatorja u kkawża dannu lir-reputazzjoni tal-MUT” waqt il-proċess tan-negozjati. Il-Qorti ordnat ukoll li l-UPE tikkumpensa lill-MUT, b’somma li għandha tiġi likwidata f’fażi sussegwenti.

Fi stqarrija wara d-deċiżjoni, l-MUT qalet li s-sentenza “tikkonferma b’mod ċar u unequivok u b’awtorità” il-pożizzjoni tagħha dwar il-kliem falz li kien ġie mxerred fil-mument tat-taħditiet tal-2023. Minkejja dan l-attakk diffamatorju, l-MUT qalet li kompliet bit-taħditiet li fl-aħħar wasslu għas-segwaċi ftehim settorjali.

L-MUT kienet irrappreżentata mill-uffiċjali tagħha flimkien mal-avukati Keith Borg u Rebecca Mercieca. Id-deċiżjoni ngħatat mill-Imħallef Lawrence Mintoff.