Lokali

Innovaturi jingħaqdu għall-Jum tal-Intraprendituri fis-settur tal-AgriFood

Parteċipanti fil-Jum tal-Intraprendituri AgriFood, fejn innovaturi u intraprendituri Maltin u internazzjonali nġabru biex jesploraw ideat ġodda u jitgħallmu dwar l-aċċess għal fondi Ewropej u Maltin.

MALTAccelerate, f’kollaborazzjoni ma’ EIT Food, Komunità ta’ Għarfien u Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EIT) – korp tal-UE, ospitat reċentement il-Jum tal-Intraprendituri fis-settur tal-AgriFood.

L-attività, li saret fid-DiHubMT fl-Imrieħel, ġabret flimkien innovaturi u intraprendituri Maltin u Internazzjonali biex jesploraw ideat u kollaborazzjonijiet ġodda, u jitgħallmu dwar kif jistgħu jaċċessaw opportunitajiet ta’ finanzjament Ewropew u Malti fis-settur tal-AgriFood.

Fil-ftuħ tal-avveniment, parti minn sensiela ta’ attivitajiet ta’ innovazzjoni kkoordinati mal-EIT Community Hub Malta, Alessandro Silvestri, Managing Partner ta’ MALTAccelerate, enfasizza l-urġenza tal-innovazzjoni fis-settur agrikolu Malti. “L-agrikoltura hija settur li tassew jeħtieġ appoġġ u innovazzjoni. Malta timporta 80 fil-mija tal-ikel waqt li l-bdiewa tagħna qed jissieltu ma’ nuqqas ta’ ilma, kwalità fqira tal-ħamrija, spejjeż għoljin u dħul  baxx. Huwa settur li qed jaffaċċja sfidi strutturali li jeħtieġu teknoloġiji ġodda, soluzzjonijiet xjentifiċi u ekosistema b’saħħitha ta’ innovazzjoni. MALTAccelerate u EIT Food qed jaħdmu biex joħolqu eżattament din l-ekosistema.”

Diana Miceli, EIT Community Officer Malta, tkellmet ukoll dwar il-preżenza attiva tal-EIT f’Malta u l-impenn tiegħu li jappoġġja l-intraprendituri f’Malta kemm fis-settur AgriFood kif ukoll b’mod aktar wiesa’.

L-innovazzjoni fis-settur tal-AgriFood mhijiex meħtieġa biss f’Malta iżda globalment. Juan Ignacio Zaffora, Head of Service Development fi ħdan EIT Food, saħaq kemm fuq l-urġenza kif ukoll fuq l-opportunità li teżisti fl-AgriFood. Huwa nnota li d-dinja trid titma’ kważi 10 biljun persuna sas-sena 2050, f’ħin meta s-sistemi attwali tal-produzzjoni u tal-provvista tal-ikel huma diġà taħt pressjoni.

Zaffora qal: “F’dinja fejn żewġ biljun persuna għandhom piż żejjed, 800 miljun huma malnutriti u terz tal-ikel kollu prodott jispiċċa jintrema, huwa ċar li s-sistema preżenti mhijiex taħdem. Barra minn hekk, l-agrikoltura tibqa’ wieħed mill-ikbar kontributuri għat-tibdil fil-klima, tiġġenera 26% tal-emissjonijiet globali filwaqt li tuża 70% tal-ilma frisk kollu estratt. F’dan il-kuntest, l-innovazzjoni mhijiex għażla – hija essenzjali. Madankollu, 3.4% biss tal-istartups fl-UE huma fl-agrikoltura. Dan ifisser li hemm opportunità enormi għall-innovaturi, inkluż dawk minn Malta.”

EIT Food bħalissa qed jiffoka l-isforzi tiegħu biex jappoġġja startups li qed jaħdmu lejn dieti aktar b’saħħithom, sistemi ta’ ikel net-zero u prattiċi agrikoli reżiljenti. Fl-aħħar sena biss, investa €223 miljun f’negozji ġodda madwar l-UE. Dan, però, mhux l-uniku sors ta’ finanzjament disponibbli, bil-Jum tal-Intraprendituri fis-settur tal-AgriFood wera wkoll l-iskala u l-firxa ta’ appoġġ disponibbli f’Malta permezz ta’ DiHubMT, il-Malta Food Agency,  Fondi.EU, Malta Enterprise u Xjenza Malta. L-intraprendituri f’Malta jistgħu wkoll jaċċessaw għarfien espert u appoġġ minn entitajiet oħra inkluż l-Università ta’ Malta u venture builders bħal Deep Tech Foundry, li kienu wkoll preżenti waqt l-avveniment.

Stefan Zrinzo Azzopardi, Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, tkellem ukoll dwar ir-rwol kruċjali tal-finanzjament Ewropew biex jissaħħaħ is-settur tal-AgriFood Malti.

Biex tagħlaq il-ġurnata, l-intraprendituri u l-innovaturi kellhom l-opportunità jippreżentaw il-startups tagħhom u jirċievu feedback dirett mill-investituri, fornituri ta’ fondi u dawk preżenti. Dan ipprovda opportunità imprezzabbli għal intraprendituri li qed ifittxu jtejbu l-proposti tagħhom u jżidu ċ-ċansijiet tagħhom li jattiraw investiment.

L-avveniment ingħalaq b’laqgħa ta’ networking b’ikel u xorb Malti, bi prodotti lokali minn Tal-Massar Winery, The Huskie Draft Beer Company u Filfla Chilli, b’appoġġ minn Golden Harvest.