Internazzjonali

Ir-Russja mgħandhiex l-intenzjoni li tissieħeb bis-serjetà fil-proċess għall-paċi — Ursula von der Leyen

                                                                                        

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, waqt diskors lill-Parlament Eweropew, fissret is-sitwazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna bħala ‘perikoluża għall-aħħar’…Dan filwaqt li hi akkużat lill-President Russu, Vladimir Putin, b’li ma għandu l-ebda intenzjoni li jissieħeb bis-serjetà fit-taħditiet għall-paċi mal-Ukreni.

Hi qalet dan id-diskors ftit qabel Dmitry Peskov,il-kelliem għall-Kremlin, tenna li għadu ‘prematur’ biex wieħed jitkellem dwar ftehim għall-paċi.

Kollox, intant, qed jindika li r-Russja beħsiebha tkompli b’din il-gwerra sakemm l-Ukrajna tispiċċa għar-rkubbtejha, fost it-telfa tal-istatus tagħha bħala pajjiż sovran u indipendenti.

Min-naħa tagħha, von der Leyen qalet li l-Ukrajna se teħtieġ il-garanziji tas-sigurtà sodi biex ma jsirux aktar attakki militari fuq artha. Hi spjegat li r-Russja għad għandha ‘il-mentalità ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija –b’Moska qed tħares lejn il-kontinent Ewropew bħala zona fejn hi tista’ tespandi l-influwenza tagħha.

Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna qed tidher dejjem aktar gravi minkejja li l-Istati Uniti qed iżżid l-isforzi ta’ medjazzjoni bejn Kiev u Moska.

L-aħħar taħditiet li saru f’Ġinevra u Abu Dhabi irriżultaw fi qbil, min-naħa tal-Ukrajna, dwar ‘il-qafas’ ta’ ftehim għall-paċi. Dan  wara li saru bidliet għall-Pjan ta’ 28 punt li ressaq il-President Amerikan Donald Trump…Pjan li kien ferm ikkritikat bħala wieħed li jiffavorixxi kompletament lir-Russja, li hi l-aggressur f’din il-gwerra.

Il-Mexxej Ukren, Volodymyr Zelensky qal li l-abbozz ġdid għall-paċi jirrappreżenta ‘atteġġjament xieraq’, iżda ftit hemm dubju li għad fadal ħafna punti ta’ kuntestazzjoni mar-Russja – bil-Kremlin qed jimminimizza s-suġġerimenti għal xi forma ta’ kompromess.

Madankollu, von der Leyen, waqt id-diskors lid-deputati Ewropej,  qalet li qed tagħmilha ċara daqs il-kristall li l-Ewropa se tkompli tappoġġja bis-sħiħ lill-Ewropa għaż-żmien kollu li hemm bżonn.

Fl-istess ħin, von der Leyen irreferiet għall-issue tal-assi tar-Russja – ekwivalenti għal €210bn – li jinsabu friżati fl-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Ewropa….Assi li kapaċi jintużaw għar-riparazzjonijiet lill-Ukrajna wara l-gwerra.

Sadanittant, il-Belġju qed jopponi l-idea li dawn l-assi jingħataw lill-Ukrajna minħabba tħassib li pass bħal dan imur kontra l-liġi internazzjonali. It-Tmexxija Belġjana qed tinkwieta wkoll li kapaċi tispiċċa tħallas forma ta’ danni f’sitwazzjoni fejn ir-Russja tasal biex tikkuntesta l-issue tal-assi bil-mezzi legali.

Lejn aktar laqgħat….

Il-President Amerikan Trump qed jgħid li m’hemm ebda ultimatum biex jintlaħaq il-ftehim għall-paċi preżentat minnu — u fost indikazzjonijiet li l-Ukrajna tinsab taħt pressjoni akbar biex taqbel dwar patt li jista’ iġiegħelha titlef ħafna mill-artijiet tagħha lir-Russja.

Dan ukoll meta l-Istati Uniti, il-ġimgħa d-dieħla, se tkun qed tmexxi laqgħat importanti ma’ uffiċjali tal-Kremlin, proprju f’Moska… Inizjattiva oħra bit-tama li r-Russja taċċetta l-pjan għall-paċi wara kważi erba’ snin ta’ gwerra fl-Ukrajna.

Mifhum, intant, li r-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti, Steve Witkoff, se jkun qed imexxi dawn il-laqgħat fil-kapitali Russa….Żvilupp li sar magħruf ladarba l-Ukrajna dehret disposta biex, almenu, tiddiskuti l-qafas tal-pjan għall-paċi li, fi kliem it-Tmexxija, “għandu potenzjal li jirnexxi”.