Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wera li ġie mixli li wettaq ħsara fuq vettura ta’ mara

Raġel ta’ 73 sena residenti San Pawl il-Baħar inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li kkawża ħsara fuq vettura ta’ mara li toqgħod fil-viċinanzi tiegħu. Fl-14 ta’ Novembru 2025, l-allegata vittma ressqet rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra li l-vettura tagħha kienet ġiet vandaliżżata.

Hija pprovdiet filmat tas-CCTV li juri lill-akkużat jimxi ħdejn il-vettura, jinżel mal-ġenb tagħha, jerġa’ jqum u mbagħad jagħmel ħsara lill-mera tal-ġenb. L-Ispettur Warren Galea identifika lill-akkużat mill-filmat, billi diġà kellu każ separat magħha, hekk kif Camilleri kien ilu mixli b’fastidju u stalking lejha.

Meta kien tressaq l-ewwel darba fuq dawk l-akkużi kien ingħata l-libertà proviżorja, iżda f’dan l-aħħar każ il-Qorti ma tatux il-bail minkejja li ibnu wera lesti jilqgħu għandu. Il-Maġistrat Charmaine Galea qalet ċar li l-akkużat ma jistax jitqies bħala persuna li fiha l-qorti tista’ tafda.

Camilleri ġie akkużat l-Erbgħa wara nofs inhar li wettaq dan ir-reat fl-14 ta’ Novembru – f’Triq Sant Aristarku, San Pawl il-Baħar, li kkawża ħsara lil proprjetà ta’ raġel li tammonta għal aktar minn €250 iżda anqas minn €2,500.

Barra minn hekk ġie akkużat li għamel fastidju lill-istess raġel u l-mara inkwistjoni, li b’imġieba tiegħu kkawżalhom biża’ ta’ vjolenza kontra tagħhom jew kontra l-proprjetà tagħhom, kif ukoll li kiser ordni ta’ protezzjoni li kienet ħarġet il-Maġistrat Lara Lanfranco f’April 2025 favur l-istess żewġ persuni. Il-Prosekuzzjoni sostniet ukoll li Camilleri naqas milli jħares kundizzjonijiet tal-helsien mill-arrest li kienu diġà imposti fuqu.

Il-Pulizija talbet li, f’każ ta’ ħtija, il-Qorti tirrevoka l-bail eżistenti, tordna l-arrest mill-ġdid tal-imputat, tikkonfiska l-garanzija u toħroġ ordni ta’ protezzjoni ġdida jekk meħtieġ biex iżżomm is-sigurtà tal-vittmi. Il-Qorti ġiet mitluba tapplika wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ kumpens u restituzzjoni kif tipprovdi l-liġi, flimkien ma’ kwalunkwe piena kriminali li tqis oppurtuna. Għar-raġel deheru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit.