Wara r-riżenja ta’ Johan Farrugia minn Chairperson u Direttur tal-Kumpanija Maltia Investments, il-Gvern innomina lil Marvin Gaerty sabiex iservi minfloku.
Dan ġie kkonfermat minn Malita Investments stess fejn ikkonfermaw l-istorja ta’ Net News li tul il-jum tat-Tnejn, Johan Farrugia rriżenja minn din il-kariga b’mod immedjat.
Iżda wieħed inevitabbilment jitħasseb dwar kif il-Gvern wasal biex jinnomina lil Marvin Gaerty.
Gaerty kien irriżenja minn Kummissarju għat-Taxxi Interni lura fi Frar tal-2022 fi żmien meta l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien ta bidu għal kruċjata biex jiġbor aktar taxxi hekk kif taħt l-istess Gaerty l-ammont ta’ taxxa dovuta lill-Istat kien qed jiżboq il-€5 biljun.
Iżda mhux biss, hekk kif il-kwistjoni ta’ tassazzjoni kienet imsemmija wkoll mir-rapport tal-FATF li kien qiegħed lill-Gvern Malti fil-greylist.
F’xhieda fil-Qorti, l-istess Gaerty kien qal li fiż-żmien meta kien jokkuppa l-pożizzjoni ta’ Kummissarju tat-Taxxi Interni kellu ħbiberija ma’ Yorgen Fenech u li qabeż il-linja miegħu b’messaġġi skambjati ma’ xulxin.
Fl-2018, Marvin Gaerty kien siefer mal-ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela u negozjant Christian Borg fost oħrajn, sabiex jaraw ġlieda tal-MMA f’Las Vegas – xahrejn wara li Borg kien ġie msejjaħ mit-Tax Compliance Unit għal awditjar tal-kumpanija Princess Holdings.
L-accounts f’Jannar tal-2022 – kienu juru li Princess Holdings kienet għamlet telf ta’ xejn inqas minn €22 miljun minkejja li Borg u sieħbu fin-negozju kienu qed jgħixu ħajja ta’ lussu.
Gaerty kien saħaq mal-MaltaToday li ħallas għas-safra hu u li kien jaf lil dawn in-nies bħal ma kien jaf lil ħaddieħor u li dejjem mexa b’mod rett fil-ħajja professjonali tiegħu.
Dan ifisser li Marvin Gaerty mhux isem ġdid, u li kien issemma aktar minn darba fl-aħbarijiet f’konnessjonijiet li kellu ma’ persuni waqt li kien jokkupa kariga daqshekk importanti.
//= $special ?>

