L-amministratriċi maħtura mill-qorti għal li stationery ‘Mafkar Gift Box’ fis-Siġġiewi, li tappartjeni lil Francine Farrugia – l-eks uffiċjal tal-pagi fl-MCAST mixlija li serqet madwar €2.3 miljun – iddeskriviet quddiem il-qorti kif sabet “diżordni totali” fil-ħanut u kkundannat in-nuqqas sħiħ ta’ koperazzjoni min-naħa tal-akkużata.
L-avukata Helga Buttigieg Debono qalet li kienet qed tirrinunzja għar-rwol tagħha u saħansitra rrifjutat li titħallas għall-ħidma tagħha, billi kienet sabet li kienet impossibbli tamministra n-negozju minħabba l-imġiba ta’ Farrugia, li ripetutament injorat l-istruzzjonijiet minkejja li kienet taħt ordni ta’ ffriżar tal-assi.
Farrugia kienet attendiet biss laqgħa waħda mill-laqgħat ta’ kull nhar ta’ Ħamis maħsuba biex issir koordinazzjoni mal-amministratriċi. Għall-bqija tal-appuntamenti kollha qalet li kienet ma tiflaħx. Buttigieg Debono xehdet li l-akkużata kienet tiddeċiedi dwar l-operat tal-ħanut waħedha u tinforma lill-amministratriċi aktar tard bil-posta elettronika, minkejja li l-kontroll ta’ li stationery kellu jkun f’idejn l-amministrazzjoni maħtura mill-qorti.
Meta ħadet il-kontroll tal-ħanut, l-amministratriċi sabet “ħerba sħiħa”. Il-ħanut kellu erba’ ħaddiema, numru li hija qalet li kien ferm ogħla minn dak li seta’ jiflaħ in-negozju. Huma kellhom jiddiskutu possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ dawn il-ħaddiema, iżda Farrugia waħedha keċċiet tnejn minnhom, u dawn imbagħad marru għand l-amministratriċi u qalu li qatt ma kienu tħallsu għal taxxa tad-dħul jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
Sar magħruf ukoll li kien hemm irregolaritajiet finanzjarji. Il-kont ta’ li stationery kellu €6,000 iżda mbagħad tela’ għal €13,000 mingħajr l-ebda spjegazzjoni. MaltaPost, li topera sub-postoffice ġewwa l-ħanut, infurmat lill-amministratriċi li Farrugia kienet dovuta aktar minn €45,000 lill-kumpanija.
Meta kienet mistoqsija dwar dan, Farrugia qalet li kellha €25,000 moħbija f’safe li l-pulizija ma kinux sabu waqt it-tfittxijiet. Minkejja li Farrugia attendiet laqgħa waħda mal-avukat tal-MaltaPost u tat €4,670, hija naqset milli tattendi tliet laqgħat oħra, dejjem tgħid li kienet ma tiflaħx.
Quddiem dawn iċ-ċirkostanzi kollha, il-qorti ordnat lill-pulizija biex janalizzaw id-dokumenti ppreżentati fis-seduta u jinvestigaw possibbli ksur tal-ordni ta’ ffriżar. Issa ġiet maħtura amministratur ġdid flok Buttigieg Debono.
Matul is-seduta xehdu wkoll rappreżentanti tal-MTCA, tar-Registru tal-Kummerċ u ta’ Identità. Il-kawża mistennija tissokta fid-9 ta’ Diċembru. L-Avukati Ġenerali Alessia Schembri u Michael Muscat dehru għall-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukata Amy Zahra assistiet lill-akkużata.
//= $special ?>

