Internazzjonali

L-Italja: Jivvutaw biex il-femiċidju jitħallas b’sentenza ta’ għomor il-ħabs

L-attivisti għal kontra l-vjolenza fuq in-nisa fl-Italja qed jiċċelebraw wara l-vot unanimu tad-deputati fil-Parlament biex jiddikjaraw il-femiċidju bħala reat distint li kapaċi jissarraf f’sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Il-femiċidju jinvolvi l-qtil ta’ mara motivat mill-kwistjoni tas-sess  — bl-abbozz ikun approvat fil-Parlament proprju fil-jum iddedikat lill-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa madwar id-dinja…Vot simboliku u fl-istess ħin wieħed sinifikanti għall-aħħar.

L-idea dwar il-liġi rigward il-femiċidju kienet diġà diskussa fl-Italja fil-passat. Iżda l-omiċidju xokkanti, fl-2022, ta’ Giulia Cecchettin taħt idejn l-eks-boyfriend tagħha kien il-każ li xpruna azzjoni determinata li indirizzat din il-pjaga soċjali.

Il-qtil ta’ Cecchettin kien tassew każ brutali – bl-eks-boyfriend, Filippo Turetta, jagħtiha diversi daqqiet ta’ sikkina qabel ħeba l-katavru bil-boroż u ħallih f’zona viċin ta’ xmara.

L-omiċidju kien seraq l-attenzjoni tal-poplu sakemm il-qattiel inqabad u b’diversi setturi tas-soċjetà Taljana jinsistu kontinwament dwar il-ħtieġa għal liġi speċjali li tindirizza dawn ir-reati.

U llum, sentejn wara, id-deputati f’Ruma ivvutaw għal-liġi dwar il-femiċidju wara sessjoni mqanqla ta’ dibattitu fil-Parlament…Dan ukoll meta l-Italja, issa, saret fost il-ftit pajjiżi li qed jikkategorizzaw il-femiċidju bħala reat distint.

Din il-liġi, fil-fatt, kienet introdotta mill-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni u sakemm kellha l-approvazzjoni mill-Gvern tal-lemin radikali mmexxi minnha kif ukoll mid-deputati tal-Oppożizzjoni.

Kellha wkoll sehem kruċjali il-kummissjoni tal-esperti li eżaminat madwar 211 –il omiċidju riċenti tan-nisa għall-karatteristiċi komuni li jindikaw sitwazzjonijiet ta’ femiċidju.

Intant, l-Italja, minn issa ‘il quddiem, għandha tirreġistra kull omiċidju ta’mara li hu motivat ‘mis-sess tal-persuna’ bħala femiċidju – bir-reati ta’ dan it-tip se jibdew ikunu analizzati fil-‘vera kuntest tagħhom’.