Mara li qed tiġi akkużata b’rabta mal-iskema frawdolenti li nvolviet video falz tal-Prim Ministru Robert Abela ressqet protest ġudizzjarju fejn tallega li l-faċilità korrettiva ta’ Corradino qed ipoġġu s-saħħa tagħha f’riskju billi ripetutament jonqsu milli jagħtuha l-mediċina tagħha fil-ħin preskritt.
L-Ukrena ta’ 24 sena baqgħet miżmuma taħt arrest fl-24 ta’ Settembru li għadda wara li kienet mixlija li permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) ħolqot filmat li fih il-Prim Ministru Robert Abela jidher jitkellem dwar investiment u bih iffrodat mara oħra aktar minn €52,000.
Minbarra frodi, Kateryna Izotkina tinsab mixlija wkoll b’ħasil ta’ flus. Il-prosekuzzjoni kienet spjegat kif l-akkużata għamlet użu minn vidjow falz dwar investiment biex iffrodat lill-vittma. Meta l-vittma ndunat iż-żewġ nisa ftehmu biex l-akkużata tirritorna €10,000.
It-tranżazzjoni saret fi pjazza fiż-Żurrieq fejn l-akkużata ġiet arrestata minn pulizija pajżana. Il-mara qed tgħid li sofriet minn hypothyroidism u teħtieġ li tieħu l-mediċina Eltroxin jew ekwivalenti tagħha kuljum fl-istess ħin u b’istonku vojt, kif ordnaw it-tobba li qed isegwuha. Din il-mediċina hija essenzjali biex tirregola l-livelli tal-ormoni, il-metaboliżmu, l-enerġija u funzjonijiet oħra tal-ġisem.
Fil-protest, ippreżentat quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, l-akkużata ssostni li minkejja li t-trattament għandu jingħata kontinwament u dejjem fl-istess ħin, l-awtoritajiet tal-ħabs fallew diversi drabi milli jagħtulha l-pilloli fil-ħin, u dan ikkawżalha konfużjoni, għeja, telf ta’ enerġija u diffikultà serja li tirregola d-doża kif suppost.
L-avukati tagħha jisħqu li l-konsensus mediku hu li din il-mediċina trid tittieħed b’mod strett fl-istess ħin ta’ kuljum biex tiġi evitata żbilanċ fl-ormoni, u jakkusaw lill-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi bi traskuraġni — intenzjonata, dewmien jew negliġenza — speċjalment minn meta kienet ittieħdet taħt arrest fi Corradino.
Il-protest iwissi li jekk is-sitwazzjoni tkompli sejra hekk, l-avukati se jżommu lill-Aġenzija responsabbli għal kwalunkwe ħsara li tista’ sseħħ, u jsejħu formalment lill-Faċilità Korrettiva u lill-Avukat tal-Istat biex jiżguraw li l-mara tirċievi l-mediċina preskritta tagħha kuljum u fil-ħin korrett. L-akkużata qed tiġi rappreżentata mill-avukati Nicolai Bugeja u Alexandr Boichuk.
//= $special ?>

