Lokali Qorti

Meħlus mill-akkużi ta’ ksur tal-obbligi tal-VAT minħabba nuqqas ta’ ċarezza fil-provi

Il-Qorti tal-Magistrati, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Oreste Gatt, ta’ 68 sena mill-Imsida, mill-akkużi li ressqu kontrih il-Pulizija fuq talba tal-Kummissarju tat-Taxxi u d-Dwana. Gatt kien qed jitqies li kien responsabbli għall-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għan-nom tal-kumpanija Upadhyaya Ltd, jew bħala persuna reġistrata mal-Kummissarju, skont il-Kap 406 tal-Liġijiet ta’ Malta.

L-akkużi kienu jikkonċernaw nuqqas li jiġu sottomessi d-denunzji u l-ħlas dovut fi żmienu għall-perjodi ta’ taxxa li suppost kienu ntemmu bejn Diċembru 2024 u Ġunju 2024. Skont il-prosekuzzjoni, dawn kellhom jintbagħtu għand il-Kummissarju mhux aktar tard minn nofs it-tieni xahar ta’ wara t-tmiem tal-perjodu fiskali rispettiv.

Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ rappreżentanti tat-Taxxa u d-Dwana u tal-Malta Business Registry. Marilyn Schembri Saliba ppreżentat il-“letter to prosecute” u dokumentazzjoni oħra relatata mar-reġistrazzjoni tal-kumpanija.

Quentin Tanti, xhud għall-Malta Business Registry, spjega l-bidliet fid-diretturi ta’ Upadhyaya Ltd: inizjalment kien hemm direttur barrani li rreżenja fl-2023 u reġa’ nħatar fl-2024, filwaqt li Oreste Gatt kien inħatar direttur f’Marzu 2023 u rreżenja f’Ġunju 2024.

Madankollu, meta l-Qorti eżaminat il-provi kollha, sabet inkonsistenza ċara bejn il-perjodu indikat fl-imputazzjoni u l-perjodu li għalih ħarġet l-allegazzjoni tat-trasgressjonijiet fl-ittra uffiċjali tal-Kummissarju tat-Taxxi u d-Dwana, datata 28 Jannar 2025.

Din il-kontradizzjoni wasslet biex il-Qorti tikkonkludi li l-prosekuzzjoni ma laħqitx il-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi kriminali, jiġifieri prova lil hinn minn kull dubbju raġonevoli. reste Gatt għażel li ma jixhidx, iżda dan ma ħoloqx konsegwenzi negattivi għalih minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza sostanzjali fil-provi sottomessi mill-prosekuzzjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti ddeċidiet li tillibera lil Gatt mill-akkużi kollha, u hekk teħilsu minn kull responsabbiltà kriminali.