Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
Proprju llum il-Parlament qed jiddiskuti l-estimi tal-baġit għall-qasam tal-edukazzjoni – mument kruċjali li għandu jintuża biex jindirizza b’mod serju u strateġiku l-isfidi li ilu jiffaċċja dan il-qasam. Il-verità hi li d-dibattitu dwar l-edukazzjoni għandu jibqa’ ’l bogħod mill-polarizzazzjoni politika u, minflok, ikun ibbażat fuq evidenza, soluzzjonijiet u viżjoni fit-tul. L-edukazzjoni tibqa’ wieħed mill-pedamenti tas-soċjetà tagħna, u dan il-pedament jeħtieġ manutenzjoni u tisħiħ kontinwi.
F’Malta, bħal f’ħafna pajjiżi oħra, qed niffaċċjaw sfidi strutturali serji: in-nuqqas ta’ għalliema u edukaturi, l-insuffiċjenza tal-inklużjoni prattika, id-diffikultà li nallinjaw ruħna mat-trasformazzjoni diġitali, it-tħassib dwar ir-relevanza tas-sillabi, u infrastruttura skolastika li f’ħafna każijiet ma tbiddlitx biżżejjed għal edukazzjoni moderna. Dan kollu jagħmel pressjoni fuq il-kwalità tat-tagħlim u fuq il-benessri kemm tal-istudenti kif ukoll tal-edukaturi.
Il-problema tan-nuqqas ta’ għalliema u LSEs
Waħda mill-ikbar kriżijiet li qed tolqot is-sistema edukattiva hija n-nuqqas serju ta’ għalliema u ta’ Learning Support Educators (LSEs). Ir-rata ta’ riżenji fost l-għalliema ilha tiżdied b’mod allarmanti, u filwaqt li jidħlu żgħażagħ ġodda fil-professjoni, dan mhux biżżejjed biex ikopri dak li qed jitilfu. Il-problema mhix biss in-numri – iżda wkoll kif pajjiżna qed jonqos milli jżomm lill-edukaturi fis-sistema.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li jsir studju serju u indipendenti biex jiġu identifikati l-veri kawżi wara t-tluq kontinwu tal-għalliema. Pressjoni amministrattiva, burnout, nuqqas ta’ progress fil-karriera, nuqqas ta’ appoġġ fil-klassi u kundizzjonijiet ta’ xogħol li ma jżommux mal-ħtiġijiet tas-seklu 21 huma kollha fatturi possibbli. Mingħajr fehim ċar ta’ dawn il-problemi, ma nistgħux insolvu l-kwistjoni tal-‘teacher retention’.
L-istess jgħodd għall-LSEs. Għalkemm l-inklużjoni hi prinċipju ċentrali fil-politika edukattiva tagħna, fuq il-prattika ħafna tfal qed jitilfu l-appoġġ li għandhom bżonn. Hemm każijiet ta’ tfal li ma jirċevux l-għajnuna tagħhom kuljum, tfal li jpaxxu d-dar minħabba nuqqas ta’ LSEs, u oħrajn li jitpoġġew fil-mainstream mingħajr l-appoġġ mingħajr ma jingħataw il-mezzi, it-taħriġ jew il-ħin meħtieġ. Din mhijiex inklużjoni — din hija dehra ta’ inklużjoni.
L-Inklużjoni: minn fuqil-karta għall-prattika
Qegħdin nippretendu li l-inklużjoni hija sempliċement prattika li tqiegħed tfal b’bżonnijiet varji fil-klassijiet mainstream. Imma jekk nużaw l-istess sillabu, l-istess metodi, u l-istess aspettattivi għal kulħadd mingħajr adattament personalizzat, allura qed ninjoraw li mhux kull tifel u tifla jistgħu jew għandhom jimxu bl-istess ritmu jew bl-istess mudell ta’ tagħlim. L-inklużjoni teħtieġ sistemi fl-iskejjel, mhux soluzzjonijiet individwali jew każwali. Teħtieġ taħriġ kontinwu tal-edukaturi, strutturi multilivell ta’ appoġġ u programmi li joffru mogħdijiet differenti għall-istudenti skont ħtiġijiethom. Il-bidla trid tkun intenzjonata u mmirata – mhux sempliċement amministrattiva.
Se nikkwota studju li sar fl-Iskozja. L-Istudju intitolat ‘Space Matters: Creating inclusive learning spaces for pupils with addittional supposrt needs’ isib li meta l-ambjent fiżiku tal-klassi – bħall-arranġament tal-imwejjed, id-dwwl, is-silenzju u t-tqassim – ikun iddisinjat b’mod inklussiv u kollaborattiv, mhux biss iħeġġeġ partiċipazzjoni ta’ studenti b’diffikutajiet fit-tagħlim u b’diżabilità imma imma jistabbilixxi kultura ta’ relazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti li jagħmlu l-inkluzjoni sostenibbli.
Minn dan kollu, f’Malta ma jsir xejn. L-iskejjel huma litteralment għarwenin – imneżżgħa – minn infrastrittura addatta għal tagħlim inklussiv, u għadna qed nippretendu li tfal bl-awtiżmu u bl-ADHD jagħmlu jiem sħaħ f’settings tradizzjonali u jitgħallmu mingħajr ma jtellfu l-andament tal-klassi b’mod ġenerali. L-ambjent li għandna llum fil-klassijiet tagħna, la huwa tajjeb għal min jista’ jaqdef ’il quddiem u lanqas għal min għandu bżonn l-għajnuna.
Infrastruttura skolastika tajba mhix lussu — hija l-bażi. Jekk irridu klassijiet iżgħar, spazi flessibbli, laboratorji diġitali u ambjent li jħeġġeġ tagħlim, irridu impenn ċar u fit-tul fil-baġit. Hemm bżonn programm ta’ modernizzazzjoni ta’ skali konsiderevoli, inkluż investiment f’faċilitajiet vokazzjonali li joffru alternattivi lil dawk li mhux dejjem jirnexxu fi strutturi tradizzjonali.
* *
Mela, fin-nuqqas li nindirizzaw l-ambjent olistiku tal-iskejjel, se nibqgħu naraw l-istess problemi: għalliema li ma jkomplux, LSEs li jaqtgħu qalbhom u tfal mitlufa f’sistema li hija tajba għal kulħadd imma mhi tajba għal ħadd fl-istess waqt.
X’nistgħu nikkunsidraw:
Għandu jsir studju indipendenti dwar it-Teacher Retention (inkluż l-LSEs) biex nifhmu x’inhuma r-raġunijiet għalfejn qed naraw dawn ix-xejriet negattivi u kif nistgħu nitgħallmu minnhom biex ngħinu l-professjoni tissaħħaħ;
Għandna ngħollu l-istipendju tal-istudenti li qegħdin isegwu l-korsijiet tal-għalliema u tal-LSEs fl-istituzzjonijiet ewlenin tagħna għall-paga minima nazzjonali (u din tkun tinkludi wkoll lil dawk li għandhom degree diġà u mhumiex eleġibbli għall-istipendju);
Nirriformaw is-sistema tal-LSEs biex ikollna LSEs imħarrġin b’mod speċjalizzat fl-aktar diffikultajiet li qed insibu fl-iskejjel illum u ssapportjati b’aktar riżorsi professjonali li jistgħu jikkollaboraw magħhom fl-iskejjel stess (u dan apparti nirrikonoxxu l-grad bil-warrant u bis-salarju);
Nintorduċu protokoll fuq livell nazzjonali biex ikun assigurat li kull tifel u kull tifla tirċievi l-appoġġ b’mod konsistenti u li jkun moniterizzat b’mod konsistenti sabiex ikun aġġornat u mtejjeb skont il-progress;
Tagħlim speċifikat lill-għalliema biex jgħinhom jifhmu aktar l-isfidi inklussivi tal-lum fil-klassi mainstream;
6 Investiment qawwi fl-iskejjel biex ikollhom infrastruttura adegwata u ssapportjata biex ikunu jistgħu jilqgħu fihom tfal bi sfidi fit-tagħlim u b’diżabilità sabiex innaqqsu aktar id-dipendenza fuq l-iskejjel speċjalizzati bil-għan li dan isir fil-5 snin li ġejjin biex l-iskejjel u l-klassijiet jittrasformaw għall-ħteġjiet tal-lum u li jkunu jinkludu wkoll is-servizzi terapewtiċi ssapportjati minn professjonisti dedikati;
7: Finalment irridu naraw li jkollna sistema in-place li timmoniterja kull student u l-progress tiegħu sabiex il-fokus tkun dejjem aktar iċċentrata fuq l-istudent – b’mod partikolari dawk fil-mainstream li ħafna drabi jitħallew imexxu għal rashom.
’Il Quddiem
Id-diskussjoni dwar l-estimi tal-edukazzjoni għandha tkun opportunità biex niddiskutu r-riforma – imma l-Gvern jagħżel dejjem li jinjora l-isfidi u jitkellem biss dwar dak li qiegħed isir mingħajr ma jkunu analizzati r-riżultati.
Il-pajjiż jeħtieġ strateġija fit-tul li tpoġġi lill-istudenti u lill-għalliema u lill-edukaturi fiċ-ċentru tas-sistema fil-veru sens tal-kelma. Edukazzjoni b’saħħitha mhix biss l-infrastruttura jew it-teknoloġija – hija viżjoni, u dan il-pajjiż ma għandux. Hija wkoll ir-rieda li nibnu sistema verament inklussiva (li tappella anke għal min kapaċi jmexxi għal rasu), modernizzata u sostenibbli.
Jekk irridu ġenerazzjoni li tista’ tirnexxi, irridu ninvestu llum – mhux għada.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 26 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

