Somers Farkas, Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta, ippreżentat il-kredenzjali tagħha lil E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fis-26 ta’ Novembru 2025. L-Ambaxxatriċi Farkas esprimiet l-entużjażmu tagħha għat-tishiħ tas-sħubija bejn l-Istati Uniti u Malta.
L-Ambaxxatriċi Farkas, li ġiet nominata mill-President Donald J. Trump f’Diċembru 2024, hija filantropa, intraprenditriċi, u eżekuttiva tal-marketing imwielda f’Virginia.
L-Ambaxxatriċi Farkas hija ddedikata lejn dawk li jgħatu l-ewwel rispons u lejn is-sigurtà pubblika, u appoġġat organizzazzjonijiet bħall-Alzheimer’s Association, ASPCA, il-Police Athletic League, u klabbs tas-servizz militari. Hija serviet bħala trustee għall-Fondazzjoni tal-Pulizija ta’ New York City, Kap Onorarju tal-Battaljun għad-Dipartiment tan-Nar ta’ New York City, u konsulent għall-Uffiċċju tal-Isheriff tal-Kontea ta’ Palm Beach.
Bħala Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti, hija se tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni f’oqsma ewlenin ta’ interess komuni, inkluż l-espansjoni tal-kummerċ u l-investiment, it-tisħiħ tas-sigurtà u l-kollaborazzjoni fl-infurzar tal-liġi, it-tisħiħ tal-interessi komuni fl-enerġija, u it-tisħiħ tas-sigurtà u l-benesseri taċ-ċittadini Amerikani f’Malta.
Wara ċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tal-kredenzjali, l-Ambaxxatriċi Farkas iddikjarat:
“Għandi l-unur li nirrappreżenta lill-President kbir tagħna, Donald J. Trump, u lill-poplu Amerikan, f’Malta. Il-poplu Malti u l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann kellhom rwol notevoli fil-ġlieda tal-Amerika għall-indipendenza; l-Amerika kienet l-ewwel pajjiż li rrikonoxxa l-indipendenza ta’ Malta. Aħna kburin bil-ħbiberija tagħna li ilha għexieren ta’ snin u bil-valuri demokratiċi li l-pajjiżi tagħna jħaddnu. Bil-ħidma eċċellenti tat-tim tal-Ambaxxata Amerikana, se nkomplu nsaħħu l-alleanza tagħna billi nuru l-eċċellenza Amerikana u Maltija, nippromwovu opportunitajiet ekonomiċi, skambji kulturali, u kollaborazzjonijiet diplomatiċi. Ninsab ħerqana li naħdem mal-gvern u l-poplu ta’ Malta u Għawdex biex niksbu l-viżjoni komuni tagħna għall-futur. Fuq nota personali, nirrikonoxxi l-Fidi profonda tiegħi u ninsab ħerqana għall-opportunità li nisma’ il-quddies mal-komunità Kattolika Maltija.”
Il-ħatra tal-Ambaxxatriċi Farkas tenfasizza l-impenn kontinwu tal-Istati Uniti għar-relazzjoni mill-qrib tagħha ma’ Malta, pajjiż sieħeb u stmat fil-Mediterran.
//= $special ?>

