“Tqattax dan il-Milied waħdek.”
Din kienet it-tema ċentrali ta’ konferenza tal-aħbarijiet li matulha Caritas Malta ħabbret id-dettalji dwar l-ikla li se ssir fil-Kurja tal-Arċisqof f’Jum il-Milied – ikla li se tkun qed tilqa’ nies li jinsabu jgħixu fis-solitudni jew m’għandhomx mezzi biex jagħmlu l-ikla tal-Milied.
Matul din il-konferenza, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt, fakkar kif permezz ta’ din l-ikla, se joffru ambjent mill-isbaħ għal numru ta’ persuni li għalihom il-Milied jaf ikun ta’ uġigħ – ikla li se tittrasforma l-Milied f’jum ta’ ferħ u għaqda. Huwa sostna kif din l-attivita tkompli twassal il-messaġġ ta’ Ġesu u l-imħabba kbira li għandu għalina.
F’kumment li ta lil Net News, Anthony Gatt tenna kif din is-sena Caritas Malta tinsab għaddejja bil-preparamenti għal 600 mitt persuna, li huwa numru akbar minn dak tas-sena l-oħra.
Din l-attivita se jkollha wkoll il-kontribut mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi li se tipprovdi l-ikel kollu, u l-Kċina tal-President ta’ Malta, li għal darb’oħra se tkun qed tipprovdi ħelu tradizzjonali lil dawk kollha li jattendu.
Iċ-Chairman ta’ The Alfred Mizzi Foundation Julian Sammut, tenna kif din is-sena il-menu se jkun qed jikkonsisti minn soppa bil-ħaxix frisk u dundjan mimmli – ikkumplimentat bil-ħaxix u l-patata.
U tenna l-apprezzament tiegħu għall-fatt li se jkunu qed jgħinu aktar nies mis-snin preċedenti.
Min-naħa tiegħu, l-isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph Galea Curmi, irringrazzja lil voluntieri kollha u lil dawk li qed jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom b’dedikazzjoni biex dawn il-persuni li jinsabu waħedhom din is-sena jiċċelebraw il-Milied f’ambjent ta’ familja.
//= $special ?>

