Kurt David Azzopardi li kien ikkundannat għal xahrejn ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati wara li nstab ħati li saq minkejja li kien skwalifikat, inħeles mill-Qorti tal-Appell kriminali wara li ġiet iddikjarata invalida l-unika prova fil-konfront tiegħu, affidavit tal-Pulizija li ma kienx jindika fejn ingħatat il-ġurament.
Il-Qorti spjegat li skont il-liġi, affidavit f’każ kriminali għandu juri b’mod ċar meta u fejn ittieħed il-ġurament sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat li sar quddiem awtorità kompetenti. In-nuqqas li jiġi indikat il-post tal-ġurament kien meqjus bħala difett “fatali” li jolqot l-għerq tal-proċeduri, u għalhekk l-affidavit ma setax jittieħed bħala prova.
Peress li l-prosekuzzjoni ma kellha l-ebda prova oħra, il-kundanna ma setgħetx isseħħ. Il-Qorti tal-Appell għalhekk laqgħet l-appell, ħassret is-sentenza u ordnat lill-imputat jiġi meħlus kompletament. Is-sentenza tfakkar fil-ġurisprudenza stabbilita li kundanni kriminali ma jistgħux jinbnew fuq dokumenti ġuramentati difettużi, għax dan jipperikola kemm id-drittijiet tal-imputat kif ukoll l-integrità tal-proċess kriminali.
Il-persuna akkużata kienet rappreżentata mill-Avukat Nicholas Mifsud, filwaqt li l-kawża nstemgħet quddiem il-Imħallef Natasha Galea Sciberras.
//= $special ?>

