Żewġ produzzjonijiet minn Malta huma fost il-ħames rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Golden Knight Malta International Film Festival. Dawn huma We Three Kings ta’ Bruce Micallef Eynaud u Moring Star ta’ Zara Balfour.
Din hi tassew aħbar tajba u hi prova li l-produtturi tal-films Maltin laħqu l-livell għoli meħtieġ biex jikkompetu internazzjonalment, anke jekk għalissa fil-kategorija tal-films qosra.
Il-festival, organizzat mill-Malta Cine Circle, ilu għaddej għal 63 sena. Dan jagħmlu wieħed mill-aktar festivals tal-films qosra stabbiliti madwar id-dinja. Matul dawn is-snin kiber fl-istatura u llum hu wieħed mill-aktar festivals internazzjonali prestiġjużi tal-films qosra.
Aktar minn 320 produzzjoni kienu sottomessi għall-edizzjoni ta’ din is-sena. Matul dawn l-aħħar xhur, tim ta’ assessuri wettaq proċess ta’ preselezzjoni, li fi tmiemu ġiet ippreżentata għażla finali ta’ 18-il film lill-ġurija ta’ ħames persuni.
Il-wiri tal-films rebbieħa u l-preżentazzjoni tal-premjijiet se jsiru s-Sibt 6 ta’ Diċembru fis-7pm fit-Teatru tal-Malta Experience, il-Belt Valletta. Din l-edizzjoni qed issir bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu permezz ta’ Visit Malta.
Id-dħul hu bla ħlas imma l-bookings għandhom isiru jew fuq bookings@goldenknightmalta.com inkella bit-telefon fuq 9946 0866.
IT-322 PRODUZZJONI SKONT IR-REĠJUNI:
Ewropa – 209
Amerika ta’ Fuq – 40
Amerika ta’ Isfel – 6
Asja – 40
Lvant Nofsani – 14
Afrika – 9
Awstralja/New Zealand – 4
Ir-riżultati kollha huma dawn:
Il-premjijiet Golden Knight għall-2025:
Morning Star ta’ Zara Balfour – Malta/ir-Renju Unit
Majini ta’ Joshua Neubert, Victor Muhagachi – il-Ġermanja
We Three Kings ta’ Bruce Micallef Eynaud – Malta
Ya Hanouni ta’ Lyna Tadount u Sofian Chouaib – Franza
A las 9 es la cita ta’ Carlos Ospina – il-Kolombja
Il-ġurija tal-Festival tat ċertifikat ta’ rikonoxximent lil dawn il-produzzjonijiet:
The Reach ta’ Luca Caserta – l-Italja
Signatur… ta’ Nick Zerafa – ir-Renju Unit
Cats Have no Roots ta’ Anthoniy Hristov – il-Bulgarija
ReRooted ta’ Delphine Coudray – l-Irlanda

Moring Star

Bruce Micallef Eynaud
//= $special ?>
