Lokali

Alex Borg iżur l-appartamenti ta’ Puttinu f’Londra

Matul il-jum tal-Ħamis il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar il-familji Maltin li qegħdin jgħixu fl-appartamenti ta’ Putinu Cares f’Sutton, Londra.

Alex Borg seta’ jara b’għajnejh stess l-għajnuna li Puttinu Cares jagħti permezz ta’ dawn l-appartamenti, li jagħtu s-sens ta’ dar lil dawn il-pazjenti u l-familji tagħhom li minkejja li jinsabu eluf ta’ kilometri ‘l bogħod mid-djar tagħhom, biex jingħataw kura speċjalizzata, xorta waħda jistgħu jgawdu minn saqaf fuq rashom, fejn il-Kap seta’ jara anka kif dawn l-appartamenti kienu mimlija dekorazzjonijiet tal-Milied.

Putinu Cares kien beda l-proġett tal-appartamenti lura fl-2008 u llum, grazzi għad-donzzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, għandu madwar 19-il appartament, Alex Borg fil-fatt żar l-ewwel appartament li kien xtara Puttinu fejn bħalissa qed isir xi xogħol ta’ rinnovar.

Alex Borg, li kien akkumpanjat minn Sarah, iltaqa’ wkoll ma’ pazjent li se jibda jieħu l-kura l-ġimgħa d-dieħla, minn naħa tagħhom dawk li qed jgħixu fl-appartamenti urew l-apprezzament tagħhom lejn Puttinu li jipprovdilhom saqaf fuq rashom, hekk kif kieku ma kienx jeżisti Puttinu żġur li akkomodazzjoni bħal din kienet tkun impossibli.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna kemm huwa importanti li Puttinu jagħmel dan il-ġid kollu u rringrazzja l-poplu kollu tad-donazzjonijiet tiegħu.