Lokali

Bla bandli għal aktar minn sentejn f’St Peter’s Area, f’Ħaż-Żabbar

Il-bandli f’St Peter’s Area, Ħaż-Żabbar ilhom li nqalgħu aktar minn sentejn u llum qed jistennew l-approvazzjoni formali tal-Awtorità tal-Ippjanar wara li ssir il-laqgħa li hija diġà skedata, mal-MCCAA, kif mitlub mill-istess Awtorità.

Il-Ministru Owen Bonnici qal fil-Parlament li l-bandli f’St Peter’s Area, f’Ħaż-Żabbar, inqalgħu bejn Ġunju u Settembru  tas-sena 2023.

Filwaqt li qal li li mhux f’pożizzjoni li jindika data eżatta ta’ meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq il-bandli ta’ St Peter, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Kunsill qed jistenna l-approvazzjoni formali tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-konferma li dawn il-bandli ilhom li nqalgħu aktar minn sentejn ingħatat wara mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, immexxi minn maġġoranza Laburista, informa lill-Ministru li s-sejħa għall-offerti ħarġet mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar u tinkludi xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u installazzjoni ta’ apparat ġdid għal-logħob tat-tfal, konformi ma’ standards Ewropej ta’ sigurtà.