Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Griscti kkonfermaw sentenza minn ġuri fil-konfront ta’ Kurt Grech, ta’ 31 sena, magħruf bħala in-Nemes, u missieru Joseph Grech ta’ 61 sena, it-tnejn minn Tal-Pietà, li f’Marzu li għadda ġew ikkundannati 20 sena ħabs kull wieħed għal qtil ta’ Brandon Pace fil-Ħamrun. L-appell sar mill-ħatja li ma qablux mas-sentenza mogħtija fi tmiem il-ġuri mill-Imħallef.
L-avukati tad-difiża talbu l-minimu ta’ 12-il sena ħabs qabel ma ngħatat is-sentenza. Dan minħabba l-fatt li r-riżultat minn naħa tal-ġurati kien dak ta’ 6-3 fejn qalu l-ġurati kienu bagħtu messaġġ. Il-piena minima f’każ ta’ qtil hija dik ta’ 12-il sena, bil-piena massima tkun dik ta’ għomor il-ħabs.
Il-prosekuzzjoni qablet li għandu jingħata messaġġ iżda qabel is-sentenza qalet li wieħed ma jridx jinsa li ntilfet ħajja ta’ żagħżugħ ta’ 21 sena, Ingħad ukoll li Joseph Grech messu żamm lil ibnu milli jwettaq l-att, xi ħaġa li m’għamilx.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali analizzat l-appell ta’ Joseph Grech wara li l-ġurija kienet sabitu ħati tal-qtil ta’ Brandon Pace flimkien ma’ ibnu Kurt. L-ewwel nett il-Qorti tfakkar il-prinċipju fundamentali li l-valutazzjoni tal-fatti u tal-kredibilità tax-xhieda hija primarjament responsabbiltà tal-ġurati, u li l-qorti superjuri tintervjeni biss f’każijiet fejn ikun hemm raġuni serja biex jiġi konkluż li l-ġurija ma setgħetx waslet għal dak il-verdett skont il-provi ppreżentati.
Grech sostna li l-ġurija ma setgħetx issibu ħati għax ix-xhieda okulari kienu kontradittorji f’ħafna punti u li l-uniku xhud indipendenti, Kurt Mallia, ma semmiehx bħala min ta daqqiet ta’ sikkina. Huwa qal ukoll li l-verżjonijiet li ngħataw kienu jikkuntrastaw ma’ dak li kien jintqal fil-kumpilazzjoni u fl-istqarrijiet inizjali, speċjalment fejn jidħol jekk kienx hu jew Kurt Grech li laqat l-aħħar daqqa fatali.
Il-Qorti iżda osservat li meta wieħed jaqra b’mod sħiħ ix-xhieda kollha, jidhru elementi ċari u konsistenti li jorbtu lil Joseph Grech mal-aggressjoni. Xhieda bħall-omm il-vittma, Lisa Pace, baqgħet konsistenti matul il-proċeduri kollha u anki xhieda oħra bħal Donna Pace, Jessica Bilocca u Joseph Vella rrakkontaw b’mod ċar li kemm Joseph kif ukoll Kurt kienu qed jagħtu daqqiet ta’ sikkina lil Brandon.
Ix-xhud indipendenti Kurt Mallia ma kienx f’pożizzjoni jarahom fl-aħħar mumenti, u għalhekk l-assenza ta’ referenza għal Joseph ma kienx fatt li jikkontradixxi x-xhieda l-oħra. Rapporti forensiċi wkoll ikkonfermaw li demm tal-vittma nstab fuq iż-żarbun ta’ Joseph Grech u l-konfigurazzjoni tad-demm fuq il-post kienet tikkonferma dak li rrakkontaw ix-xhieda okulari.
F’rabta mat-tieni aggravju, fejn Grech sostna li l-Imħallef indirizza ħażin lill-ġurija dwar l-iskużanti tal-provokazzjoni taħt l-Artikolu 227(a) tal-Kodiċi Kriminali, il-Qorti nnutat li fil-verità kien hemm żbalji fl-istruzzjonijiet lill-ġurija.
L-Imħallef daħlet tispjega elementi li jappartjenu għal dispożizzjoni oħra tal-liġi, b’mod partikolari s-sub-inċiż 227(c), u introduċiet kriterji ta’ persona ta’ temperament ordinarju, kumparazzjonijiet ta’ proporzjonalità u kunċett ta’ cooldown li ma japplikawx għall-provokazzjoni taħt 227(a).
Madankollu l-Qorti enfasizzat li mhux kull żball fl-indirizz jikkostitwixxi nuqqas ta’ ġustizzja li jħassar verdett, u l-kwistjoni hi jekk l-iskużanti kienetx waħda li setgħet tirnexxi fid-dawl tal-provi. Wara li analizzat il-provi, il-Qorti kkonkludiet li l-provokazzjoni f’dan il-każ ma setgħet qatt tapplika.
It-taqbida kienet diġà bdiet bejn Kurt Grech u l-vittma meta daħal Joseph, li mhux biss ma daħalx biex iwaqqaf il-ġlied iżda ngħaqad mal-attakk u ta daqqiet lis-suldaten. Il-vittma kienet diġà midruba u kienet qiegħda tirtira lura meta ngħatat l-aħħar daqqa fatali.
Ma kien hemm ebda prova li l-vittma wettqet xi delitt jew offiża gravi fuq Joseph li setgħet tqajjem provokazzjoni skont il-liġi. Għalhekk, anki kieku l-ġurija ngħatat spjegazzjoni perfetta tal-Artikolu 227(a), il-provi xorta ma kinux jissapportjaw din id-difiża.
Żbalji li ma ħolqu ebda inġustizzja
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti tal-Appell kkonkludiet li minkejja li kien hemm xi żbalji fl-indirizz tal-Imħallef, dawn ma ħolqu l-ebda inġustizzja u ma setgħux jaffettwaw il-verdict tal-ġurija. Il-provi kienu sodisfaċenti u konsistenti biex jiġi stabbilit li Joseph Grech kien wieħed mill-assaljanti u responsabbli mid-daqqiet fatali. Għalhekk l-appell tiegħu ġie kompletament miċħud u l-verdett tal-ġurija baqa’ wieqaf.
Kurt Grech u missieru Joseph kienu għaddew ġuri quddiem ll-Imħallef Consuelo Scerri Herrera wara li nstabu ħatja minn ġurija għall-qtil ta’ Brandon Pace magħruf bħala l-Gallali, fl-2017. Pace miet fl-età ta’ 21 sena meta ngħata diversi daqqiet ta’ sikkina fid-daħla tal-appartament tiegħu fi Triq Giovanni Barbara, il-Ħamrun, fil-jum tal-Ħadd tat-2 ta’ April ta’ tmien snin ilu.
Kurt Grech u missieru Joseph Grech ġew iġġudikati minn ġurija nhar it-Tnejn, 3 ta’ Marzu, wara kważi tmien sigħat ta’ deliberazzjoni. Sitt ġurati ħarġu b’verdett ta’ ħtija, filwaqt li tlieta oħra ddikjaraw lill-akkużati mhux ħatja.
Huma kienu qed jiġu akkużati b’omiċidju volontarju, pussess illegali ta’ skieken, ksur tal-paċi pubblika u ordni pubblika u thedded fil-konfront ta’ omm il-vittma Lisa Pace u s-sieħba tal-vittma Jessica Bilocca. Kurt Grech kien akkużat ukoll li weġġa’ gravi lil Bilocca permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina filwaqt li missieru kien mixli wkoll li hedded lil oħt il-vittma, Donna Pace, b’sikkina waqt il-ġlieda.
Il-ġurija ħarġet b’verdett unanimu ta’ ħtija għall-pussess illegali ta’ skieken. Verdett ukoll unanimu ta’ ħtija għal Kurt Grech kien dak talli kiser il-paċi pubblika. Kurt Grech instab ħati wkoll unanimament hedded lil Lisa Pace u Jessica Bilocca, filwaqt li missieru nstab ħati tal-istess reat b’sitt voti kontra tlieta.
Verdett unanimu ta’ ħtija wkoll għal Kurt Grech fuq akkuża li weġġa’ ħafif lil Bilocca. Joseph Grech ma nstabx ħati li hedded lil Donna Pace, oħt il-vittma. Iż-żewġ skieken ta’ 19-il ċentimetru l-wieħed li ntużaw waqt il-qtil instabu fi sprall mhux bogħod fid-dar tal-akkużati. Dawn instabu mċappsa bid-demm.
L-akkużati kien ilhom involuti f’argumenti ma’ Pace, li eventwalment spiċċat fi vjolenza wara argument dwar it-trattament ta’ iben Kurt Grech. Omm it-tifel, l-eks sieħba ta’ Grech kienet daħlet f’relazzjoni ma’ Pace.
Grech qal lill-Pulizija li Pace kienet qed tittratta ħażin lil ibnu. Waqt il-kumpilazzjoni tal-provi fl-2017, oħt il-vittma Donna Pace qalet li kienet għaddejja minn fejn ir-residenza ta’ ħuha dakinhar tal-qtil meta rat lilu u lil ommu involuti f’argument mal-akkużati u l-familja tagħhom.
Qalet li ż-żewġ familji kienu qed jiskambjaw l-insulti, bil-madum ukoll mitfugħ mill-gallarija tar-residenza tal-familja tagħha. Kurt Grech mar idur id-dar ta’ Pace, u l-ġenituri tiegħu waslu ftit wara, b’Pace joħroġ mill-appartament tiegħu żaqqu barra biex jiffaċċja l-aggressuri tiegħu.
Il-ġlieda kienet tinvolvi lil Pace, Kurt Grech, il-ġenituri tiegħu u Bilocca. Kemm Kurt Grech kif ukoll Pace kellhom is-skieken. Ix-xhieda qalu li raw lil Pace jaqa’ mal-art u Kurt Grech qabeż fuqu. Waqt il-ġuri, omm Pace fakkret kif rat lil Joseph Grech jgħajjat u jagħti bis-sikkina lil binha f’dahru u hi bdiet tgħajjat, “qatluh, qatluh”. Qalet li Joseph Grech kien wieġeb, “Ħallih imut”.
Il-ġurija semgħet li Kurt Pace kien qal lill-Pulizija li kien ta sikkina lil Pace iżda saħaq li kien il-vittma li tah l-ewwel sikkina f’sidru. Waqt il-kontroeżami, Donna Pace ammettiet li kienet marret fejn il-karozza tagħha bil-ħsieb li ssuq fuq l-aggressuri ta’ ħuha, iżda li dawn kienu diġà ħarbu minn fuq il-post.
Id-difiża saħqet li Kurt Grech kien ħa miegħu żewġ skieken mid-dar tiegħu qabel mar il-Ħamrun, mhux bl-intenzjoni li joqtol lil xi ħadd, iżda għax kien jaf li Pace kien perikoluż. Il-Qorti osservat li l-avveniment li wassal għall-omiċidju beda meta Kurt Grech mar fir-residenza tal-vittma, armat b’żewġ skieken.
Huwa nnifsu ammetta fl-istqarrija tiegħu li wasal fuq il-post “bis-skieken f’idejh” u li l-għan tiegħu kien li “jaqtagħha llum”, kliem li l-Qorti interpretat bħala intenzjoni li jinqala’ ġlied jew saħansitra agħar. Meta ma nfetħitx il-bieb tal-blokka, Grech beda jagħti daqqiet bis-sieq u jgħajjat lill-persuni li kienu ġewwa, jgħidilhom “Inżlu pufti”, u joffendihom biex jinżlu jistiegħnu miegħu. Il-ġenituri tiegħu, li kienu waslu fuq il-post, ippruvaw jikkalmuh iżda Grech baqa’ jippersisti u ried jidħol jew iġiegħel lil xi ħadd jinżel fuqu.
Filwaqt li qabel ma beda l-ġlied, ix-xhud Lisa Pace niżlet tipprova tikkalma s-sitwazzjoni, il-vittma Brandon Pace eventwalment niżel b’sikkina f’idu, probabbilment għax induna li Grech kien mar għalih armat. Brandon kien l-ewwel li xejjer daqqa ta’ sikkina u laqat ħafif lil Grech, iżda l-Qorti kkonkludiet li dik l-aggressjoni kienet kompletament instigata minn Grech stess, li kien mar ifittex kunflitt.
Grech imbagħad irriproduċa vjolenza ferm aktar gravi, u ta lil Pace diversi daqqiet ta’ sikkina, inkluż waħda ħdejn il-qalb, kif ammetta fl-istqarrija tiegħu, jgħid li “bdiet tagħtih fl-għama”. Ix-xhieda u l-provi kkonfermaw li Grech baqa’ jagħtih daqqiet anke meta l-vittma kien waqa’ fl-art u kien diżarmat. Il-Qorti enfasizzat li ma jeżisti ebda paragun bejn il-ferita ħafifa li ġarrab Grech u l-forza sproporzjonata li uża hu stess, kif ukoll il-figura għolja ta’ daqqiet li ta lill-vittma.
L-appellant ipprova jinvoka l-iskriminanti tal-leġittima difiża u sostna li kien qed jiddefendi lilu nnifsu, iżda l-Qorti qalet b’mod ċar li dan l-argument ma setax jintlaqa’. Il-Qorti rrimarkat li Grech mar armat b’żewġt iskieken lejn il-post, li ma kellu l-ebda raġuni biex ifittex konfront, u li kien jaf li kien qed joħloq periklu. Għalhekk, lanqas ma setgħet tapplika l-iskużanti tal-eċċess fil-leġittima difiża, peress li l-aggressjoni kienet tiegħu stess mill-bidu nett.
L-appellant sostna wkoll li l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, li mexxa l-investigazzjoni, kien wera li emmen l-ispjegazzjonijiet tiegħu. Iżda l-Qorti qalet li dan mhuwiex minnu, u li l-mistoqsijiet li saru lil Grech kienu biex jiġu ċċarati ċ-ċirkostanzi u jekk il-konfrontazzjoni setgħetx tkun evitata, mhux biex jiġu aċċettati l-verżjonijiet tiegħu.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-piena, il-ħatja sostnew li s-sentenza ta’ 20 sena kienet eċċessiva, speċjalment meta l-vot tal-ġurija fuq l-ewwel kap kien ta’ 6 kontra 3. Il-Qorti madankollu qalet li 20 sena hija pena pjuttost miti meta mqabbla mal-priġunerija għall-għomor li tippermetti l-liġi, u li din tħares ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ bħall-konflitt familjari fit-tul li wassal għall-konfront. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell kollu kemm hu u kkonfermat is-sentenza u l-verdett tal-ġurija.
//= $special ?>

