Lokali

Il-ktieb INĦOBBKOM dwar Monsinjur Victor Grech stampat għat-tieni darba f’inqas minn xahar

Il-ktieb se jkun preżenti fuq iz-zuntier tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex nhar il-Ħadd li ġej

Caritas Malta tħabbar li l-pubblikazzjoni INĦOBBKOM, ktieb li jiċċelebra l-ħajja ta’ Monsinjur Victor Grech, ġie stampat għat-tieni darba f’inqas minn xahar.

Fit-18 ta’ Ottubru li għadda Caritas Malta nediet din il-pubblikazzjoni, editjata minn Joe Cassar, u sal-ewwel ġimgħa ta’ Novembru, l-elf ktieb stampati spiċċaw kollha. Il-ktieb jinkludi diversi kitbiet minn staff, voluntieri, persuni mill-komunità tal-Ibraġ, li għexu qrib ħafna ta’ Mons. Grech, u ammont kbir ta’ ritratti, uħud minnhom pubblikati għall-ewwel darba, mill-ħajja ta’ Dun Victor sal-jum tal-funeral tiegħu fi Frar li għadda.

Peress li għad hawn domanda kbira għal din il-pubblikazzjoni, Caritas għamlet l-arranġamenti biex tistampa iktar kotba grazzi għall-PG Plc, PAVI/PAMA u ZARA HOME, li daħlu għall-ispejjeż tal-istampar. Din hi l-aħħar darba li dan il-ktieb se jkun pubblikat, għalhekk tħeġġeġ lil dawk li għadhom ma akkwistawhx biex jordnaw il-kopja tagħhom minn issa.

Caritas Malta tħabbar ukoll li nhar il-Ħadd li ġej, 30 ta’ Novembru, voluntieri ta’ Caritas Malta se jkunu fuq iz-zuntier tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, f’Għawdex, bejn l-10am u s-1pm biex l-Għawdxin li jixtiequ jiksbu kopja ta’ dan il-ktieb ikunu jistgħu jagħmlu b’mod aktar faċli għalihom. Din il-pubblikazzjoni tista’ tiġi akkwistata b’donazzjoni ta’ €30.

Min hu interessat jista’ jidħol fis-sit caritas.malta.org biex jakkwista kopja tal-ktieb INĦOBBKOM.

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel 22199000.