Lokali

Il-membri tal-Oppożizzjoni fil-PAC jitolbu lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-każ tal-Malita

Investigazzjoni mitluba fid-dawl ta’ allegazzjonijiet serji ta’ nuqqas ta’ governanza tajba, fosthom indħil politiku mill-Ministru Roderick Galdes

Fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ Malita Investments p.l.c. mill-eks MEP Laburista u eks Chairperson tal-istess kumpanija Marlene Mizzi – li allegat indħil politiku u li l-Ministru tal-Housing Roderick Galdes kien qed jitħabbeb ma’ ċerti kuntratturi tal-kumpanija – il-membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) flimkien max-Shadow Minister għal dan il-qasam, illum ressqu talba formali lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet u l-operat tal-kumpanija.

Malita Investments hija kumpanija li tixtri, tiżviluppa u timmaniġġja propjetajiet li jagħmlu parti minn proġetti ta’ importanza nazzjonali li jiswew miljuni ta’ ewro, fosthom tal-akkomodazzjoni soċjali, u l-Gvern għandu l-akbar sehem f’din is-soċjetà, bil-kumplament tal-ishma huma kkwotati fil-Borża ta’ Malta. Il-kumpanija taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Galdes.

Ir-rappreżentanti tal-PN fil-PAC – iċ-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari Darren Carabott u l-membri Graham Bencini u Mario De Marco – akkumpanjati mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Ivan Bartolo marru jressqu formalment din it-talba lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika llum waranofsinhar.

Huma qed jitolbu lill-Awditur Ġenerali jinvestiga kif il-Malita Investments użat fondi u assi pubbliċi, jekk sarx użu tal-finanzi b’mod kontabbli, jekk intużawx il-proċeduri tal-public procurement kif suppost u jekk intużawx prattiċi ta’ governanza tajba li tiggarantixxi trasparenza, kontabbiltà u diliġenza.

Huma talbu wkoll li l-Awditur fir-rapport tiegħu jagħmel  rakkomandazzjonijiet ta’ kif soċjetajiet bħall-Malita għandhom joperaw biex jevitaw sitwazzjonijiet bħal dawk allegati.

Dak li qalet fl-aħħar jiem Marlene Mizzi dwar dak li għandu x’jaqsam mal-Malita jqanqal tħassib dwar nuqqasijiet serji fejn jidħlu l-governanza tajba, it-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-operat tal-istess kumpanija. Mizzi qalet li tneħħiet mill-kariga tagħha minn Roderick Galdes wara li ġibditlu l-attenzjoni dwar dawn in-nuqqasijiet.

Wara dawn l-iżviluppi, fl-aħħar sigħat, tħabbret ukoll ir-riżenja taċ-Chairman Eżekuttiv attwali tal-kumpanija li kien ġie appuntat fil-kariga wara Marlene Mizzi fl-2024. Din ir-riżenja ssegwi riżenji oħra mill-Malita, fosthom tal-Kap Eżekuttiv u taċ-Chief Financial Officer.

Il-membri tal-Partit Nazzjonalista fil-PAC qalu li qed jitolbu lill-Awditur Ġenerali jinvestiga dak li kien qed iseħħ fi ħdan din il-kumpanija għax il-poplu għandu kull dritt ikun jaf x’qed jiġri minn flusu u mill-proprjetajiet tal-housing, aktar u aktar meta tant familji u żgħażagħ qed jitħabtu mhux ftit biex ikollhom saqaf fuq rashom.