Il-Kamra tan-Negozju ta’ Malta terġa’ tisħaq dwar il-ħtieġa urġenti għal riforma fil-governanza fil-proċess tal-public procurement.
Il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija ta’ Malta tosserva l-iżviluppi l-aktar riċenti relatati ma’ Malita Investments plc u terġa’ ssostni s-sejħa tagħha għal Riforma fil-public procurement. Sitwazzjonijiet bħal dawn, kemm jekk seħħew jew le, jerġgħu jenfasizzaw l-urġenza li Malta jkollha qafas b’saħħtu, trasparenti u responsabbli ta’ public procurement – xi ħaġa li l-Kamra ilha tisħaq dwarha sa mill-2021. Dan huwa essenzjali biex tiġi eliminata kull possibbiltà ta’ dubju fuq kwalunkwe proċess ta’ akkwist pubbliku. Kull ewro ta’ nefqa pubblika għandu jkun mibni fuq regoli ċari, superviżjoni effettiva biex b’hekk tisssaħħaħ il-fiduċja pubblika u jiġi żgurat valur għall-flus tat-taxpayer, filwaqt li jinżamm ukoll livell ugwali ta’ kompetizzjoni għal kulħadd.
Il-Kamra tan-Negozju tisħaq ukoll li hemm bżonn linji li jisseperaw id-deċiżjonijiet politiċi meħuda fil-livell ministerjali u r-responsabbiltà amministrattiva/eżekuttiva tas-servizz pubbliku. Hemm bżonn ta’ proċess robust u trasparenti biex din id-demarkazzjoni tidher b’mod aktar effettiv, u ma għandux ikun hemm ebda tentattiv biex jiġu mħallta r-responsabbiltajiet distinti. Pereżempju, id-deċiżjoni dwar jekk issirx privatizzazzjoni hijiex waħda politika, iżda ladarba tittieħed dik id-deċiżjoni, it-tmexxija tal-proċessi kompetittivi u l-għażla tal-kuntratturi hija kompletament kwistjoni ta’ kompetenza eżekuttiva li trid titwettaq b’mod professjonali, imparzjali u indipendenti.
L-akkwist pubbliku jirrappreżenta sehem sostanzjali min-nefqa totali tal-Gvern u għandu impatt dirett fuq il-kompetittività ekonomika, is-servizzi pubbliċi u l-kwalità tal-ħajja inġenerali. Jekk l-akkwist pubbliku ma jsirx b’mod trasparenti, effiċjenti u ġust, dan idgħajjef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, ifixkel l-kompetizzjoni, jiddiskoraġġixxi l-operaturi serji u jista’ jirriżulta f’ħela jew użu ħażin tal-fondi pubbliċi.
Riformi ewlenin li l-Kamra tan-Negozju ta’ Malta reġgħet qed tinsisti għalihom
Il-Kamra għal darb’oħra qed issejjaħ għall-implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin tagħha, inklużi:
• Qafas ċar ta’ governanza li jissepara d-direzzjoni tal-politika mid-deċiżjonijiet operattivi fl-akkwist pubbliku, bil-ministri jfasslu l-viżjoni u l-għanijiet iżda mingħajr ma jinfluwenzaw min jirbaħ il-kuntratti.
• Pubblikazzjoni ta’ pjan ta’ akkwist pubbliku aċċessibbli għall-pubbliku, mill-inqas sitt xhur bil-quddiem u li jkopri l-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-Gvern, biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippjanaw u jikkompetu b’mod ġust.
• Konsultazzjoni preliminari sistematika mas-suq u l-użu ta’ esperti tassew indipendenti fil-kitba tad-dokumenti tat-tenders sabiex titjieb il-kwalità, iċ-ċarezza u l-valur għall-flus.
• Bidla mill-mentalità ta’ “l-orħos offerta konformi” għal valutazzjoni bbażata fuq il-kwalità u l-prestazzjoni li tiżgura l-aqwa ritorn fuq l-investiment fit-tul.
• Skrutinju aktar b’saħħtu ta’ direct orders u varjazzjonijiet tal-kuntratti, b’dokumentazzjoni u ġustifikazzjoni sħiħa, kif ukoll rimedji effettivi kontra prattiki abbużivi.
• Reġistru tal-Kuntratti pubbliċi komprensiv u faċli għall-utent li juri b’mod trasparenti t-tenders kollha maħruġa (inklużi direct orders), u li minbarra l-informazzjoni pubblika attwali jinkludi wkoll milestones u deliverables li għandhom jintlaħqu u jekk humiex, ħlasijiet (meta huma dovuti, kemm, u meta saru), tilwim, varjazzjonijiet u modifiki.
Il-Kamra tan-Negozju ta’ Malta tħeġġeġ lill-Gvern, lill-Parlament, lill-istituzzjonijiet ta’ superviżjoni u lill-awtoritajiet kollha li jagħtu kuntratti biex jittrattaw ir-riforma tal-akkwist pubbliku bħala prijorità nazzjonali immedjata, mhux aspirazzjoni fit-tul. Akkwist pubbliku etiku, trasparenti u mmexxi professjonalment – imsaħħaħ minn separazzjoni ċara bejn id-deċiżjonijiet politiċi u l-amministrazzjoni eżekuttiva – huwa essenzjali biex jiġu protetti l-finanzi pubbliċi, jiġu sostnuti n-negozji serji u tinbena mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini fil-mod kif il-proġetti pubbliċi jiġu allokati u mmexxija.
//= $special ?>

