Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali fil-kawża kontra Carlos Falzon u ħassret is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati tat-30 ta’ Settembru 2025. Falzon kien ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ġew imposti fuqu f’Ottubru 2024, fosthom li ma jikkommettix reat volontarju u li jmur jirrapporta l-Għassa taż-Żejtun tliet darbiet fil-ġimgħa.
Hu kien akkużat ukoll bħala reċidiv, minħabba sentenza finali tal-2021. L-Ewwel Qorti kienet sabitu ħati u ordnat biss il-konfiska ta’ nofs il-garanzija ta’ €1,000 mogħtija mit-terz garanti, Dylan Falzon, mingħajr ma imponiet ebda piena oħra.
L-Avukat Ġenerali sostna fl-appell tiegħu li dan kien żball serju, għaliex l-Artikolu 579(2) tal-Kodiċi Kriminali jesiġi li fuq min jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tingħata piena ta’ multa jew priġunerija (jew it-tnejn), flimkien mal-konfiska parzjali jew sħiħa tal-garanzija.
Il-Qorti tal-Appell qablet ma’ dan l-argument u qalet li l-piena imposta mill-Ewwel Qorti kienet inkompleta u għalhekk mhux skont il-liġi. L-Imħallef Camilleri osserva li l-konfiska biss tal-garanzija ma tissodisfax l-obbligi tal-liġi u li l-Qorti tal-Maġistrati kienet obbligata timponi l-pieni kollha li l-artikolu jipprovdi.
Għalkemm issejjħet quddiem il-Qorti l-possibbiltà ta’ ordni ta’ probation, il-Qorti tal-Appell irrimarkat li l-Ewwel Qorti ma kinitx marbuta tagħtih, iżda lanqas għażlet li timponi kwalunkwe piena oħra minbarra l-konfiska. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Appell irrevokat kompletament is-sentenza iżda mingħajr ma annullat il-proċeduri kollha, sabiex il-partijiet ma jitilfux id-dritt tad-doppju eżami.
L-atti ġew mibgħuta lura għand il-Qorti tal-Maġistrati sabiex Falzon jitpoġġa lura fil-pożizzjoni li kien qabel tingħata s-sentenza u tingħata sentenza ġdida skont il-liġi.
//= $special ?>

