Il-mismanagement finanzjarju tal-Gvern ta’ Robert Abela – li żgarra bil-goff fil-miri finanzjarji tiegħu u għabba lil pajjiżna b’rekord ta’ dejn – daħħal lil pajjiżna fi sqaq.
Wara li l-Labour injora t-twissijiet tal-Partit Nazzjonalista u ta’ entitajiet oħra biex idawwar ir-rotta ta’ tberbiq ta’ flus-il poplu li qed iwasslu għal splużjoni fin-nefqa u d-dejn tal-gvern, issa l-Kummissjoni Ewropea – wara li evalwaqt il-budget li ressaq il-Gvern Malti – tat ċanfira lil Robert Abela u wissietu li jekk mhux se jirrevedi din ir-rotta, se tkun kostretta tieħu passi ulterjuri fil-konfront ta’ pajjiżna.
Għall-iżbalji tal-Gvern, iħallas il-poplu.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa llum mix-Shadow Ministers tal-PN Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia.
Id-dejn taħt Robert Abela kiber bla preċedent, b’dan il-Prim Ministru jiddejjen iktar minn kemm iddejnu l-Prim Ministri kollha ta’ qablu mill-Indipendenza ’l hawn. Robert Abela wiret dejn ta’ ħames biljuni, li se jisplodi għal €11.6 biljun sal-aħħar din is-sena, u skont il-miri ta’ Clyde Caruana stess, dan se jitla’ għal aktar minn €14-il biljun sa tliet snin oħra. Dan minkejja li l-Gvern qed inaqqas l-investiment kapitali f’pajjiżna, bl-infrastruttura mhix tlaħħaq mal-politika ekonomika żbaljata tal-istess Abela u Caruana.
Il-mismanagement finanzjarju tal-Gvern joħroġ biċ-ċar hekk kif anke fuq sena jiżgarra kompletament f’dak li jkun bassar huwa stess. Għall-2025, in-nefqa fil-budget kellha tkun ta’ €7 biljun, imma issa qed jgħid li se tkun ta’ €7.5 biljun – mhux żball ta’ xi ftit mijiet ta’ eluf, iżda żgarra nofs biljun. Bl-istess mod, l-iżbilanċ tal-Gvern li kellu jkun ta’ madwar €850,000 se jispiċċa jlaħħaq il-biljun ewro sal-aħħar tas-sena. Dan wara li anke fl-2024 il-Gvern kien żgarra mhux bi ftit fit-tbassir tiegħu dwar id-defiċit.
Dan huwa l-Gvern li minkejja li jiftaħar li l-ekonomija sejra tajjeb, wara l-grey-listing tal-FATF daħħalna wkoll fl-Excessive Deficit Procedure, li hija forma ta’ lista griża għall-pajjiżi li ma jkunux konformi mal-miri finanzjarji maqbula.
Filwaqt li dan il-Gvern jeċċella fis-slogans u l-ftaħir, fil-prattika l-istorja tkun xorta oħra. F’Marzu li għadda, Clyde Caruana ftaħar li l-finanzi tant sejrin tajjeb li pajjiżna se joħroġ kmieni mill-Excessive Deficit Procedure. Imma issa, il-Kummissjoni qed twissih li jekk mhux se jreġġa’ lura r-rotta fuq in-nefqa bla kontroll, mhux talli ma joħroġx kmieni minn din il-lista, imma talli l-UE fir-rebbiegħa li ġejja jkollha tintervjeni biex pajjiżna jikkonforma ma’ dak li hu mistenni minnu bħala pajjiż Ewropew.
Fi ftit kliem, dan ikun ifisser li minħabba l-mismanagement u t-tberbiq tal-Gvern, pajjiżna jitlef l-awtonomija sħiħa fl-għażla ta’ kif imexxi l-finanzi tiegħu stess.
Fl-aħħar xhur, ma kienx biss il-Partit Nazzjonalista li wissa dwar din is-sitwazzjoni, iżda anke saħansitra l-Kunsill Fiskali Konsultattiv tal-gvern stess appella lil Clyde Caruana biex jikkoreġi triqtu, wara li fi kliem l-istess Kunsill, il-Gvern żgarra kompletament fil-miri tiegħu għas-sena ta’ qabel.
F’dan is-sens, il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern Laburista jaqta’ l-ħela u t-tberbiq li qed jagħmlu l-ħsara, bi skandlu wara l-ieħor li fnew il-finanzi pubbliċi.
Il-piż fuq in-nefqa tal-gvern mhuwiex frott ta’ sussidji bżonjużi fuq l-enerġija iżda frott skandlu wara l-ieħor, li bihom il-poplu Malti nsteraq miljuni kbar ta’ ewro: mis-serqa tal-isptarijiet sal-iskandlu tal-Electrogas, mill-eluf ta’ konsulenzi bl-għexierien ta’ eluf ta’ ewro fis-sena, għall-flejjes mberbqa mill-Kummissarju tal-Films fuq festini u xalar.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex f’ġieħ l-integrità, l-awtonomija u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, il-Gvern Laburista jiżgura li dawn it-twissijiet ma jaqgħux fuq widnejn torox u jiddritta triqtu mill-aktar fis.
//= $special ?>

