“Irrid nibqa’ spalla maż-Żwieten sabiex flimkien nikkonvinċu aktar nies, li aħna verament denji biex immexxu lil dan il-pajjiż.”
Sostna dan l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg matul il-ftuħ mill-ġdid tal-Każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żejtun wara xogħlijiet estensivi ta’ rinnovar u ġimgħat sħaħ ta’ xogħol li sar bis-saħħa tal-benefatturi.
Alex Borg feraħ liż-Żwieten għax-xogħol impekkabbli li sar fuq dan il-każin filwaqt li spjega kif ħidma bħal din tkompli timlih bil-kuraġġ biex ikompli jaħdem.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ kif minkejja li d-distakk bejn iż-żewġ partit naqas, għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Qal li dan huwa l-mument ta’ kulħadd – li nerġgħu nagħtu pajjiżna lura lill-Maltin u l-Għawdxin kollha u li fih il-Partit Nazzjonalista jsir partit rebbieħ.
Matul is-serata tal-Erbgħa, Alex Borg kixef plakka kommemorattiva, filwaqt li l-Arċipriet Antoine Galea Scannura bierek dan il-każin li ngħata ħajja mill-ġdid.
Min-naħa tagħha, il-President tal-Kumitat Sezzjonali taż-Żejtun, Bernice Scicluna stqarret kif dan il-proġett ta’ manutenzjoni jimmarka kapitlu ġdid għal dan il-każin li mhux biss ġie immodernizzat iżda li issaħħaħ bħala simbolu ta’ għaqda u impenn. Hi rringazzjat lil dawk kollha li ddedikaw ħinhom u taw l-appoġġ finanzjarju tagħhom f’dan il-proġett biex dan il-post seta’ jerġa’ jieħu l-ħajja.
Bernice Scicluna insistiet li bit-tiġdid li sar qed jintbgħat messaġġ ċar; li fejn hemm ir-rieda u nies li jemmnu fil-Partit Nazzjonalista hemm it-tama u futur.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, uffiċjali tal-PN, deputati tad-distrett, kandidati u anke kunsillieri tal-PN.



