Lokali Sport

Kemar Reid – il-plejer ta’ Birkirkara li kien fiċ-ċentru ta’ frodi minn ċirku internazzjonali ta’ kriminalità

Wara li Net News żvela b’esklussiva l-istorja li l-klabb ta’ Birkirkara, u l-aġent ta plejer internazzjonali Malti, kienu fil-mira ta’ frodist li jifforma parti minn cirku kbir ta’ kriminalità organizzata li taġixxi f isem uffiċjali ta’ klabbs barranin, u li sal-lum irnexxilhom jiffrodaw miljuni fuq miljuni ta’ ewro lill-klabbs, plejers u aġenti ta’ plejers tal-futbol, dan il-każ għadu fuq fomm kulħadd.

L-ewwel dettalji maħruġa mis-sit NetNews.com.mt kienu ikkonfermati minn Birkirkara. Iżda l-istorja kollha, mil-bidu tagħha sal-aħħar żviluppi wara li sar magħruf li t-trasferiment kien qerq, se jkunu qed joħorġu f’intervista mis-sensiela Replay Podcast ma’ Michael Valenzia – fejn il-President ta’ Birkirkara kiser is-silenzju u tkellem għall-ewwel darba.

B’Valenzia jiżvela l-isem tat-tim Ġermaniż li iżżeffen f’din l-iscam.

Il-plejer inkwistjoni, qed jiġi żvelat illum għall-ewwel darba, u hu Kemar Reid – Ġamajkan li ġie jilgħab f’Malta fl-2016, u minn dak iż-żmien ‘l hawn, beda familja f’pajjiżna wara li żżewweġ Maltija.

F’Ottubru tal-2023, l-attakkant Reid ingħata l-passaport Malti u saħansitra ddebutta mat-tim nazzjonali Malti.

Valenzia spjega kif xahar ilu kien l-aġent tal-plejer li għarraflu bl-interess tal-klabb Ġermaniż f’Reid, wara li d-Direttur Sportiv tal-imsemmi klabb, li fil-verità kien fittizju, kien avviċinaħ bl-interess biex jakkwista lil Reid.

It-trasferiment ta’ Reid għal ma’ dan il-klabb Ġermaniż kien se jkun għal somma rekord – viċin l-€400,000. Kollox deher lest sakemm lejlet il-jum li l-plejer kellu jitlaq minn Malta, nibtu l-ewwel indikazzjonijiet li kien hemm problema.

Birkirkara ma laħqu ħalsu xejn lil dan il-frodist, iżda l-aġent tal-plejer, li hu barrani u jirrapreżenta plejres li jilgħabu fl-aqwa Kampjonati Ewropej, kien iffrodat is-somma ta’ €25,000, bl-iskuża li dawn kienu flus li kien se jieħu lura.

Kien it-Tnejn filgħaxija, wara t-8pm, li saret telefonata bejn din il-persuna fittizja, l-aġent, u Michael Valenzia…meta l-President ta’ Birkirkara, akkuża lill-allegat kriminal, li kien frodist. B’dan tal-aħħar ma damx ma ammetta.

Storja xokkanti. Storja ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzat minn persuni li jieħdu ħsieb sal-iċken dettall u li jagħmluha diffiċli biex jinqabdu malajr. Fuq kollox, storja li għandha tqajjem kuxjenza u għarfien fost il-klabbs tal-futbol f’Malta.