Local Lokali Qorti

Konfermata d-detenzjoni ta’ Sirjan fuq akkuzi relatati ma’ terroriżmu

Il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet ir-rikors ta’ habeas corpus (strument legali fundamentali li jservi biex jipproteġi l-libertà individwali) mressaq f’isem is-Sirjan Ajil Al Muhsen u kkonfermat l-Ordni ta’ Detenzjoni maħruġa mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.

Il-kawża kienet infetħet mill-avukat Jose Herrera, li sostna li d-detenzjoni kienet illegali minħabba li l-persuna tinsab fuq pleġġ mill-Qorti Kriminali filwaqt li qed jistenna li jgħaddi ġuri fuq akkużi serji marbuta ma’ terroriżmu.

Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ diversi uffiċjali u persuni involuti, fosthom Clayton Formosa li qal li kien iħaddem lil Muhsen bħala kaħħal u li kien lest jerġa’ jdaħħlu għax-xogħol jekk jiġi rilaxxat mid-detenzjoni. Xehdet ukoll l-Ispettur Doriette Cuschieri li spjegat kif, wara deċiżjoni negattiva tal-applikazzjoni tal-ażil, ir-riskju ta’ ħarba żdied u nħolqu wkoll tħassib dwar sigurtà personali tal-individwu u ta’ dawk ta’ madwaru. Hija kkonfermat li matul il-perjodu li kien fuq pleġġ, l-akkużat dejjem osserva l-kundizzjonijiet kollha imposti mill-Qorti Kriminali.

Xehed ukoll rappreżentant tal-Immigration Appeals Board, Luke Grech, li kkonferma li l-Bord reġa’ eżamina u approva l-Ordni ta’ Detenzjoni wara li rċieva s-sottomissjonijiet tal-Pulizija, filwaqt li nnota li l-avukat tas-Sirjan ma ppreżenta l-ebda sottomissjoni minkejja li kien innotifikat biex jagħmel dan. Il-Qorti semgħet ukoll xhud mit-Taqsima Kontra t-Terroriżmu iżda ordnat divjett fuq din il-parti minħabba s-sensittività tal-informazzjoni.

Fil-konklużjoni tal-kawża, l-avukat Herrera sostna li ma kien hemm ebda bażi biex ir-raġel jerġa’ jiġi arrestat meta diġà kien fuq pleġġ, u li l-ebda trasferiment jew tkeċċija ma setgħu jsiru qabel il-ġuri. Min-naħa tiegħu, il-prokuratur tal-Istat Miguel Degabriele sostna li l-Ordni ta’ Detenzjoni kienet legali u konformi kemm mal-liġijiet Maltin kif ukoll ma’ dawk Ewropej dwar il-proċeduri tal-ażil, u li l-proċess kriminali għandu jkun trattat separatament mill-proċess tal-protezzjoni internazzjonali.

Wara li eżaminat id-dokumenti u x-xhieda kollha, il-Qorti kkonkludiet li l-proċess amministrattiv dwar id-detenzjoni kien korrett u li ma kien hemm ebda ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ Muhsen. Għalhekk, iddeċidiet li ma tilqax ir-rikors u kkonfermat id-detenzjoni tiegħu skont l-Ordni oriġinali.