Il-Qorti tal-Magistrati, preseduta mill-Magistrat Yana Micallef Stafrace, ikkundannat għal multa lil Raymond Buhagiar, sid il-ħanut The Rose Shop f’Ħal-Qormi, għal nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti fiskali skont l-Att dwar il-Valur Miżjud.
Il-każ beda wara spezzjoni ta’ sorpriża mwettqa fit-27 ta’ Ottubru 2024 fiċ-Ċimiterju tar-Rabat, fejn uffiċjali tal-Malta Tax and Customs Administration sabu stall tal-fjuri li kien qed ibigħ prodotti mingħajr ma joħroġ irċevuti fiskali u mingħajr ma jkun provdut b’cash register jew ktieb tal-irċevuti approvat.
Ix-xhieda tal-ispetturi Christopher Spiteri u Chris Saliba kienet konsistenti: iż-żewġ uffiċjali raw bejgħ ta’ bukkett fjuri għal tliet ewro mingħand Osman Jobe, li kien qed jaħdem fuq il-post, iżda dan ma ħareġ l-ebda irċevuta u ma kellu l-ebda mezzi fiskali meħtieġa mil-liġi.
Minkejja li Buhagiar ma kienx preżenti waqt l-ispezzjoni u għażel li ma jixhidx, il-Qorti osservat li n-negozju kien irreġistrat f’ismu u għalhekk huwa responsabbli legalment għal dak li jsir taħt ir-reġistrazzjoni tiegħu.
Il-Qorti rrikonoxxiet li l-provi ppreżentati kienu ċari u biżżejjed biex jikkonfermaw li seħħew l-irregolaritajiet allegati. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha relatati mal-ksur tal-obbligi tiegħu bħala persuna reġistrata mal-Kummissarju tat-Taxxi u kkundannatu għal multa ta’ €1,200.
//= $special ?>

