Lokali

OPINJONI: Gunpoint diplomacy

Donald Trump u sħabu r-Repubblikani minflok jitgħallmu mill-iżbalji tal-passat, bħal Chamberlain, kuntenti jxejru biċċa karta fl-ajru u jgħajtu ‘peace for our time’ anki jekk effettivament qegħdin jimbottaw lill-Ukrajna biex taċċetta li tispiċċa fi stat tant vulnerabbli li jkun ovvju li fil-futur se tispiċċa vittma ta’ aggressjoni Russa

Angelo Micallef

Fit-30 ta’ Settembru 1938, il-Prim Ministru Ingliż Neville Chamberlain, il-Prim Ministru Franċiż Edouard Daladier, id-dittatur Faxxista Taljan Benito Mussolini u d-dittatur Nazista Ġermaniż Adolf Hitler laħqu ftehim wara sensiela ta’ laqgħat fil-belt Ġermaniża ta’ Munich, li fih ir-Renju Unit u Franza aċċettaw li jagħmlu pressjoni diplomatika li ma tħalli l-ebda għażla liċ-Ċekoslovakkja ħlief li din taċċetta li tgħaddi lil Ġermanja zona magħrufa bħala s-Sudetenland.
Is-Sudetenland kienet parti miċ-Ċekoslovakkja li fiha kien hemm komunità mdaqqsa Ġermaniża. Kienet ukoll zona muntanjuża li kienet tipprovdi liċ-Ċekoslovakkja difiża naturali minn aggressjoni militari Ġermaniża. Meta r-Renju Unit u Franza aċċettaw il-ftehim, l-għan kien li tiġi evitata gwerra mal-Ġermanja ta’ Hitler tant li Chamberlain mar lura Londra jxejjer il-ftehim fl-ajru u jiftaħar li “My good friends, this is the second time in our history that there has come back from Germany to Downing Street peace with honour. I believe it is peace for our time”.
Fil-ftehim milħuq ma’ Hitler, kien hemm il-wiegħda li l-Ġermanja ma kienet se tagħmel ebda talba territorjali oħra miċ-Ċekoslovakkja. Fil-15 ta’ Marzu 1939, l-armata Ġermaniża daħlet fil-kapitali Ċekaslovakka ta’ Praga u b’hekk kisret, mingħajr konsegwenza, il-ftehim milħuq fi Munich. Ftit ġimgħat wara saħansitra Hitler ħa s-salut Nazista mingħand l-armata Ġermaniża f’Pariġi.
Prim Ministru ieħor Ingliż, din id-darba Winston Churchill darba stqarr li “Those that fail to learn from history are doomed to repeat it”. U bħal donnu bħalissa dan il-kliem jgħodd ħafna.

Trump lest jikkuntenta lill-aggressur
Ir-Russja ta’ Putin qed titlob li tingħata biċċa mill-Ukrajna għax f’dik il-biċċa tal-Ukrajna hemm komunità mdaqqsa ħafna ta’ Russi. Ir-Russja ta’ Putin mhux biss qed thedded bi gwerra, imma attwalment qed twettaq gwerra oxxena kontra l-Ukrajna u l-poplu Ukren.
U Donald Trump u sħabu r-Repubblikani minflok jitgħallmu mill-iżbalji tal-passat, bħal Chamberlain, kuntenti jxejru biċċa karta fl-ajru u jgħajtu ‘peace for our time’ anki jekk effettivament qegħdin jimbottaw lill-Ukrajna biex taċċetta li tispiċċa fi stat tant vulnerabbli li jkun ovvju li fil-futur se tispiċċa vittma ta’ aggressjoni Russa.
Bħal Chamberlain, Trump lest iċedi kollox basta jasal fi ftehim; anki jekk wieħed fażull. Bħal Chamberlain, Trump lest jikkuntenta lill-aggressur bi skapitu tal-vittma. Bħal Chamberlain, Trump lest jimmulja lill-vittma u jpaxxi lill-aggressur. Bħal Chamberlain, Trump qed jara sal-ponta ta’ mnieħru u mhux lest jara lil hinn minn hemm.
Fortuntament jidher li l-mexxejja Ewropej qed jirnexxielhom bil-mod il-mod jemendaw il-pjan oxxen tat-28 punt ta’ Trump għal wieħed aktar bilanċjat, li filwaqt li joffri lir-Russja numri ta’ aspetti ta’ soljev, ma’ jwassalx għal sitwazzjoni fejn l-Ukrajna tkun bla tama u bla saħħa.
Il-mexxejja Ewropej qed jirnexxielhom jibnu l-potenzjal ta’ ftehim ta’ paċi li jwassal għal paċi dejjiema u mhux paċi finta intiża biss biex individwu joqgħod jiftaħar qisu xi tifel żgħir kemm solva gwerer, anki jekk fir-realtà ftit minnhom biss issolvew tassew fit-tul.
Biex nkun ċar, m’inix ngħid li l-isforz ta’ Trump għall-paċi kien għalkollox ħażin. Hemm aspetti pożittivi li fuqhom il-mexxejja Ewropej setgħu jibnu. Imma hemm bil-wisq aktar ħażin li kompla serva biss biex wera li l-Istati Uniti taħt Trump hija alleat li mhux ta’ min wieħed jorbot fuqu u pajjiż li mhux ta’ min wieħed jafda!
U bħal donnu m’inix waħdi li m’għandix fiduċja fi Trump. Stħarriġ wara l-ieħor fl-Istati Uniti dwar il-Presidenza ta’ Trump qed juru xejra negattiva fl-opinjoni pubblika dwar il-Presidenza Trump; l-aħħar elezzjonijiet li saru ftit tal-ġimgħat ilu raw lir-Repubblikani jaqilgħu tkaxkira tajba u anki politiċi voċiferi favur Trump bħal Marjorie Taylor Greene qed jindunaw kemm Trump hu politiku tossiku, li ta’ min wieħed joqgħod ’il bogħod minnu tant li Greene spiċċat biex irriżenjat mill-Kamra tar-Rappreżentanti.

Jalla jintemm il-ġlied
Jalla tassew jintlaħaq ftehim ta’ paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja. Jalla jintemm il-ġlied u t-telf tal-ħajja. Jalla iżda jkun ftehim bilanċjat u ġust li jirispetta s-sovranità u d-dinjità tal-Ukrajna u li joffri futur sikur lill-Ukrajna li tkun tista’ tkompli, b’moħħa mistrieħ, it-triq tagħha lejn sħubija fil-familja Ewropea.
Jalla l-ftehim ikun aktar mibni fuq il-proposti tal-mexxejja Ewropej li huma bil-wisq aktar ġusti u ekwi milli fuq il-pjan vag u perikoluż ta’ politiku li hu wisq mimli bih innifsu biex qatt jasal għal xi ftehim bilanċjat.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 27  ta’ Novembru, 2025.