Mark A. Sammut Sassi
Bil-flus tiftaħ triq fil-baħar.
Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus.
U meta tmut ma teħodhomx miegħek.
Kollha perli tal-għerf. Dwar il-ħin, iżda, ma nafx li hemm xi perla tixtiebaħ. Donnu lill-ħin ma nagħtuhx il-valur li nagħtu lill-flus. Benjamin Franklin, fl-1748, kiteb li l-“ħin hu flus” – fis-sens li l-ħin, jekk tużah tajjeb, jippermettilek tagħmel il-flus, jekk taħlih, titlef il-flus (li ma tagħmilx). Il-ħin meqjus bħala opportunità… biex tagħmel il-flus.
Ħutiet żgħar f’vaska kbira
Irridu jew ma rridux, aħna lkoll bħal ħutiet: ngħumu fil-vaska tal-kapitaliżmu. Bħal dal-ħutiet, ma nistgħux ngħixu barra mill-vaska, mill-kapitaliżmu. Bħalhom lanqas biss jaqagħlna f’moħna li kapaċi jeżisti għajxien differenti. Is-sistema kapitalista hi waħda u ma hemmx sistema oħra għajrha. U l-kapitaliżmu hu sistema li teżiġi li tuża ħinek il-ħin kollu għall-ħolqien ta’ aktar flus.
Miniex ngħid li l-kapitaliżmu hu ħażin. Li rrid infisser hu li l-eċċess – kull eċċess – hu ħażin. Inkluż l-eċċess tal-kapitaliżmu. Jekk il-ħin misluf lilna nużawh biss għall-flus, inkunu ħlejnieh.
Naturalment, hemm differenza bejn min jagħmel ħafna flus għax għandu ħiliet tant rari li n-nies lesti jħallsu l-belli liri biex jinqdew bihom – u bejn min irid jaħdem fuq li jaħdem, a skapitu ta’ kollox, biex jakkumula ġid kbir.
Tellieqa
Bħala sistema ’l fuq u lil hinn mill-kontroll ta’ kulħadd, il-kapitaliżmu wassal għat-tellieqa kontinwa. Tellieqa wieħed mal-ieħor. Tellieqa magħna nfusna. Li noħolqu aktar ġid, li nagħmlu aktar flus. Anki aktar milli neħtieġu għall-bżonnijiet tagħna.
Kważi kważi li nagħmlu l-flus għall-fini waħdieni li nkunu għamilniehom. Il-flus isiru għan fihom infushom. Mhux aktar bħala mezz ta’ tranżazzjoni, imma bħala l-iskop uniku tal-ħajja.
Tellieqa li l-premju tagħha hu l-insazjabilità. Li ma tixba’ qatt. B’differenza mit-tlielaq tal-isport, li fihom tirbaħ trofew, fit-tellieqa tal-kapitaliżmu tirbaħ meta titlef is-sens tax-xaba’.
Bħal kull vizzju ieħor, it-tellieqa tal-kapitaliżmu hi tellieqa li aktar ma jkollok, aktar trid. Tikseb elf, trid elfejn. Tikseb miljun, tkun trid tnejn. U sejrin.
Bħat-tipjip, aktar ma tpejjep aktar trid nikotina… Bħall-kokaina, bħaz-zokkor, bħax-xorb irqiq… kollha dawn għandhom effett profond fuq il-kimika tal-moħħ: aktar ma tieħu, aktar ma tiġbed, aktar trid. Għax il-moħħ mhu xebgħan qatt. Irid ix-xintilla tal-pjaċir. U aktar ma tikber dik ix-xintilla, aktar tiċkien il-ħila li tħossu dak il-pjaċir. U allura trid iżżid id-doża. U żżidha, u żżidha.
Sa ma tmut bl-overdose.
L-overdose f’pajjiżna
F’pajjiżna daħlu dal-vizzji kollha. Il-vizzji tad-dipendenza. Miz-zokkor, mix-xorb, mit-tabakk, mill-kokaina… u mill-flus.
Sirna pajjiż eċċessivament kapitalist.
Waħda mit-tarkiet kontra l-kapitaliżmu eċċessiv (u l-egoiżmu sfrenat li jġib miegħu) kienet il-Kristjaneżmu. Bħalma ġara fil-bqija tal-Ewropa (u maż-żewġ kostiet tal-Amerka), f’Malta l-Kristjaneżmu miet, jew kważi. U minfloku ma feġġ xejn.
Il-pajjiż għaddej b’overdose, ta’ tiftix mhux tal-hena imma tal-pjaċir. L-Amerikani – li amerikanizzaw id-dinja, biex bidluha fi xbiha tagħhom – għandhom fil-Kostituzzjoni tagħhom li kulħadd għandu jedd għat-tiftix tal-hena (“the pursuit of happiness”). Issa li l-Imperu Amerikan qabad it-triq tan-niżla, dak it-tiftix sar it-tiftix tal-pjaċir. Li hu tiftix bla tmiem, għax dejjem tista’ tieħu aktar pjaċir. (Jew tal-anqas hekk tkun mingħalik.) U hemm tfaqqa’ l-overdose!
Overdose ta’ over-żvilupp, over-popolazzjoni, over-traffiku, over-xogħol… kollox over, kollox aktar, dejjem aktar. Trid taħdem aktar biex tixtri darek, għax il-prezzijiet tal-proprjetà splodew. Triq taqdef aktar għax iz-tsunami ta’ barranin mit-Tielet Dinja jżommu l-pagi baxxi u jdgħajfu l-poter ta’ negozjar tal-ħaddiema. Trid tqatta’ aktar sigħat imqajjem għax it-traffiku żejjed ifisser li trid tmur għax-xogħol aktar kmieni.
U b’dil-overdose ta’ kollox, tispiċċa b’anqas ħin għall-familja, b’anqas ħin għalik innifsek biex tiskopri, tkattar u tirfina t-talenti tiegħek, b’anqas ħin biex taqra u tiftaħ moħħok, b’anqas ħin biex tistrieħ, b’anqas ħin biex tgħix ħajja li mhix il-ħajja ta’ skjav.
Il-Labour jaħti
Il-Labour issa se jipprova jitfa’ l-bżar fl-għajnejn. L-ewwel abbanduna lin-nies tax-xogħol għal dil-ġungla kapitalista, fejn kulħadd mitluq għal rasu jrid jaħdem fuq li jaħdem mhux biex jimxi ’l quddiem imma biex jibqa’ fejn hu (bħall-ħamster fir-rota u l-kelb jiġri wara denbu) ħalli l-ftit ifuru bil-liri. Imbagħad, biex ħadd ma jgħidlu xejn, irtira nkiss inkiss mis-Socialist International.
Issa, li ra xi froġa għamel, lis-Socialist International mar iħabbtilhom mal-bieb biex jerġgħu jdaħħluh u saħansitra issa se jġibhom Malta għal xi konferenza ħalli mal-ħaddiema jidher li taparsi għadu l-Partit tal-Ħaddiema.
Il-verità hi li l-Labour dar. Il-Labour ma baqax Laburist. Rabba’ żewġt uċuħ. B’wiċċ minnhom jidħaq lil-Laburisti u lill-ħaddiema, bil-wiċċ l-ieħor jiddieħaq bil-Laburisti u bil-ħaddiema, filwaqt li jitħabbeb ma’ dawk tar-Raba’ Sular.
Il-verità hi wkoll li lin-nies komuni l-Labour serqilhom il-ħin. Ħadd ma fadallu ħin għal xejn.
It-tama
Innutaw, iżda, kif fil-pajjiż daħlet tama ġdida. Il-Kap Nazzjonalista, Alex Borg, beda jsensel diskors dwar l-importanza tal-ħin. Li l-ħin hu forsi importanti daqs il-flus, jekk mhux saħansitra aktar mill-flus.
Ta’ xejn ikollok ħafna flus, jekk imbagħad m’għandekx ħin għal dak li hu siewi fil-ħajja, bħalma huma l-familja, il-ħbieb, il-passatempi, il-kultura, u dak kollu li jibni l-valuri u dak li hu ta’ valur.
Ftit ftit, Alex Borg qiegħed jiżvela viżjoni għal stil ta’ ħajja aħjar, aktar san u aktar rikk. Jeħtieġ li mmexxu l-kelma.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 27 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

