Raġel ta’ 37 sena min-Niġer, Yusif Saeed, residenti l-Mosta, ġie kkundannat għal ħames snin ħabs effettivi wara li ammetta li kien importa f’Malta weraq tal-pjanta kannabis. Saeed kien arrestat f’Ottubru 2022 meta l-Uffiċjali tad-Dwana sabu pakkett tal-posta fih il-kannabis, u l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wettqu konsenja kkontrollata tal-pakkett.
F’dan il-każ, tliet irġiel ġew akkużati, fosthom Saeed, b’importazzjoni tal-kannabis u pussess tal-droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali. Skont l-espert xjentifiku, fil-pakkett instabu tmien pakketti mimlija bil-cannabis buds b’pożittiv għall-Tetrahydrocannabinol, b’purità ta’ madwar 9.7% u piż ta’ erba’ kilogrammi.
Fir-residenza nstabu diversi pakketti b’weraq ħadrani, tliet laptops, tablet u tmien mobile phones, miżien u self-sealable bags, għalkemm Saeed argumenta li ħafna minn dawn l-oġġetti ma kinux tiegħu peress li kien jgħix ma’ inkwilini oħra, fattur li l-Qorti kkunsidrat fl-għoti tal-piena.
L-Imħallef Natasha Galea Sciberras semgħet kif Saeed kien ikkopera mal-Pulizija u ammetta li kellu jirċievi €1,500 bħala ħlas għall-pakkett. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, il-Qorti mmultat lil Saeed €10,000 u ordnatlu jħallas €9,300 oħra fi spejjeż tal-esperti.
//= $special ?>

