Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal raġel li kkaġuna biża lill-eks sieħba tiegħu

Il-Maġistrat Abigail Critien tat sentenza sentenza sospiża lil raġel ta’ 32 sena mill-Mosta, li ammetta li nhar it-8 ta’ Settembru 2025 hedded u kkaġuna biża’ ta’ vjolenza lil eks sieħba tiegħu fid-dar tagħhom fil-Mosta, fosthom billi uża jew hedded li juża arma, jiġifieri tornavit.

Parnis ammetta wkoll li għamel theddid u inġurji fil-konfront tagħha, kif ukoll bagħtilha messaġġi ta’ intimidazzjoni permezz ta’ apparat elettroniku. Skont il-prosekuzzjoni, il-konfront kien iseħħ f’żewġ okkażjonijiet differenti fl-istess ġurnata, wara li l-koppja kienet ilha tgħix flimkien għal madwar erba’ snin.

L-imputat tressaq l-għada tal-inċident u wieġeb li mhux ħati, iżda aktar tard, waqt is-seduta tat-30 ta’ Settembru 2025, irreġistra ammissjoni sħiħa u inkondizzjonata, ftit wara li xehdet il-vittma. Il-Qorti wissietu bil-konsegwenzi legali tal-ammissjoni tiegħu, iżda hu kkonfermaha wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu.

Il-prosekuzzjoni talbet ukoll ordni ta’ protezzjoni u anki ordni ta’ trattament, filwaqt li s-seduta tal-ftuħ tar-reġistru kienet emmendata permezz tal-Maġistrat ta’ dak il-jum. Il-Qorti rat ukoll diversi provi fosthom fedina penali, screenshots ta’ messaġġi mibgħuta lis-sieħba tiegħu, ċertifikat ta’ perikolu relattiv għall-vittma, kif ukoll ritratt li juri lill-imputat b’tornavit f’idejh.

Il-prosekuzzjoni tat prova wkoll tal-mandat ta’ arrest li għadda fil-konfront tiegħu, kif ukoll l-istqarrija awdjo-viżiva tiegħu. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti osservat li r-reati huma serji u jikkostitwixxu vjolenza domestika, speċjalment fid-dawl tal-aggravanti li jinvolvu relazzjoni intima, il-konvivenza bejn il-partijiet, u l-użu ta’ arma.

Madankollu, qieset ukoll li Parnis ammetta fi stadju bikri, għandu fedina relattivament nadifa, u ried jingħata ċans jindirizza l-problemi ta’ rabja tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti qieset li setgħet tevita piena ta’ ħabs effettiva u tissospendi s-sentenza.

Il-Maġistrat sabet lil Mark Parnis ħati tal-akkużi kollha, iżda kkunsidrat lit-tieni u t-tielet kap tal-imputazzjoni bħala assorbiti mill-ewwel wieħed, u kkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Barra minn hekk ordnat li Parnis jitpoġġa taħt superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation għal dan il-perjodu kollu sabiex jirċievi trattament u appoġġ għall-imġiba tiegħu. Parnis ġie kkundannat ukoll għal multa ta’ €300.

Il-Qorti ħarġet Ordni ta’ Trażżin għal tliet snin favur il-vittma, li tipprojbixxi lil Parnis milli javviċinaha jew jidħol fiċ-ċerti żoni elenkati fil-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, fosthom l-Iskola Primarja tal-Għargħur u toroq identifikati f’Pembroke, Balzan u r-Rabat.

Il-Maġistrat wissiet lill-imputat li kwalunkwe reat ġdid li jġorr piena ta’ priġunerija jwassal biex is-sentenza sospiża tinbidel f’waħda effettiva. Kopja tas-sentenza se tintbagħat lill-Avukat Ġenerali skont il-liġi. L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni.