Lokali Sport

Super Spartans – jiktbu l-istorja fl-Ewropa

Ħamrun Spartans ikomplu jiktbu l-istorja ta’ klabb Malti fl-Ewropa, b’rebħa storika

Iċ-champions Maltin, Ħamrun Spartans reġgħu għamluha, u fi staġun diġà storiku għalihom meta saru l-ewwel klabb Malti li avvanzaw għall-fażi tal-Kampjonat ta’ waħda mit-tliet kompetizzjonijiet għall-klabbs tal-UEFA, illejla żiedu tragward ieħor storiku, li se jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-futbol Malti.

Il-plejers taħt it-tmexxija ta’ Giovanni Modica, dawru telfa f’rebħa kontra Lincoln Red Imps ta’ Ġibiltá, biex għall-ewwel darba skorjaw l-ewewl gowls tagħhom f’dan l-istadju u rebħu l-ewwel tliet punti. Huma temmew il-partita minn match day 4 tal-UEFA Conference League b’riżultat finali ta’ 3-1.

Mingħajr dubju, Ħamrun Spartans kien jimmerithom li jirbħu iżda biex għamlu dan kellhom jitħabtu mhux ftit, sforz l-okkazzjonijiet ta’ skor li tilfu fl-ewwel taqsima. Bil-Maltin fil-kmand tal-logħba iżda mhux tar-riżultat, fit-tieni taqsima, Ħamrun Spartans ħarġu jfittxu l-gowl, li kien ikun l-ewwel wieħed tagħhom f’din il-fażi ta’ kompetizzjoni wara li ma skorjawx fl-ewwel tliet partiti.

Għall-okkażjonijiet ta’ skor mhux meħuda mill-Ispartans, fis-57 minuta kienu l-avversarji minn Ġibiltá li fetħu l-iskor, meta Bernardo Lopes, wara li żamm il-ballun b’sidru, ikkonkluda wara Henry Bonello biex tefa’ lil Ħamrun Spartans minn taħt.

Kien gowl li ġustament ħoloq rabja, diżappunt u frustrazzjoni fost il-Ħamruniżi, u kien hawnhekk li l-iskwadra ta’ Modica wriet il-kwalitajiet tagħha, iżda fuq kollox il-personalitá ta’ tim magħqud u determinat li jirkupra minn gowl żvantaġġ.

Sitt minuti wara l-gowl ta’ Lincoln Red Imps, l-avversarji tal-Maltin ħadu daqqa ta’ ħarta li Ħamrun Spartans kienu bravi biżżejjed biex jibbenefikaw mis-sitwazzjoni. Dan għaliex fis-63 minuta, Torilla ntwera t-tieni karta safra fil-partita, u ħalla lil sħabu b’għaxra fil-pitch.

Dan kellu jkun il-mument tal-veritá għal Ħamrun Spartans, u li ma setgħux ifallu, u hekk għamlu; dawru s-superjoritá numerika fil-pitch favur tagħhom tant żewġ minuti biss wara din it-tkeċċija, skorjaw il-gowl tad-draw. Kienet azzjoni fejn Koffi avvanza b’mod tajjeb minn fuq ix-xellug, għadda l-ballun lejn El Fanis li minn quddiem il-gowlkiper, Hankins xeħet ġewwa għal dak li kien l-ewwe gowl storiku ta’ tim Malti f’dan l-istadju ta’ din il-kompetizzjoni Ewropea.

Dan kien il-gowl li kellhom bżonn il-Ħamruniżi għaliex żiedu l-kunfidenza u bdew jemmnu li setgħu jirbħu l-logħba. Kważi kwarta mit-tmiem tal-logħba, fl-74 minuta. Il-partitarji Ħamruniżi intilfu f’għajta waħda ta’ gowl, meta Smajlagic ikkonkluda azzjoni, b’daqqa ta’ ras li spiccat fix-xibka għall-gowl tal-vantaġġ.

Bl-iskor 2-1 u madwar 15-il minuta mit-tmiem tal-konfront, it-tensjoni fost il-plejers u l-partitarji ta’ Ħamrun Spartans kienet kbira. L-emozzjoni u l-biża’ li l-Maltin setgħu ma jirbħux kienet reali, speċjalment meta fid-79 minuta, anke huma kellhom plejer imkeċċi Vincenzo Polito kien muri t-tieni karta safra fil-partita, biex b’hekk iż-żewġ timijiet kellhom jitħabtu fl-aħħar minuti deċiżivi b’għaxar plejers kull wieħed.

Lincoln Red Imps ma kellhom xejn x’jitilfu u b’gowl minn taħt xeħtu kollox fuq l-attakk, iżda meta jiġri hekk, tkun qed tirriskja li tinqabad b’kontrattakk mit-tim oppost, u hekk ġara. Ħamrun Spartans iddefendew b’għaqal u fil-ħin miżjud tal-konfront, rebħu ballun fid-difiża tagħhom stess, u ħarbu b’azzjoni veloċi lejn il-lasta avversarja. Kien hawnhekk fejn Smajlagic għadda l-ballun lejn Coric li kompla jsebbaħ l-ispettaklu Ħamruniż f’lejla tal-ħolm bit-tielet gowl li aċċerta mir-rebħa li kienu qed jaspiraw għaliha l-Malitn.

Skor finali ta’ 3-1, li ta bidu għal ċelebrazzjonijiet kbar minn Ħamrun Spartans, hekk kif fi staġun diġà memorabbli għalihom, b’din ir-rebħa komplew iżidu mat-tragwardi li qatt ma kienu laħqu qabel, bl-ewwel tliet punti f’dan il-Kampjonat. Dawn il-punti jistgħu jitqisu bħala kruċjali, għaliex jagħtu tama lit-tim Malti li għad jistgħu jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss tal-UEFA Conference League, meta għad baqa’ żewġ match days oħra x’jintlagħbu.