temp milwien mistenni jagħlaq ix-xahar ta’ Novembru u jilqa’ l-ewwel xahar tax-xitwa meteoroloġika. Fil-fatt, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar iżjed ħalbiet iżolati tax-xita li jistgħu jkunu bir-ragħad u saħansitra bis-silġ bejn illum (il-Ħamis 27 ta’ Novembru) u għada.
Dan it-temp instabbli huwa riżultat ta’ sistema ta’ pressjoni baxxa li bħalissa tinsab fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u li minn għada mistennija timxi lejn il-Lvant.
Fil-fatt, l-Uffiċċju Meteoroloġiku diġà ħareġ twissija li tgħid kif ħalbiet iżolati tax-xita, li jistgħu jkunu bis-silġ, bir-ragħad u bil-buffuri tar-riħ huma mistennija jaffettwaw lill-Gżejjer Maltin fis-sigħat li ġejjin. L-istess twissija tista’ tiġġedded sa għada.
Minkejja ħalbiet tax-xita ‘l hemm u ‘l hawn, Novembru għadu ftit lura biex jilħaq il-kwota tax-xita tax-xahar li hija dik ta’ 89.0 mm.
Tmiem il-ġimgħa wkoll mistenni jkun ikkaratterizzat minn ħalbiet iżolati tax-xita u riħ mill-Majjistral. Ir-riħ mill-Punent Majjistru mistenni mil-lum waranofsinhar, biex jilħaq Forza 4 għal 5 u se jippersisti sa sbieħ il-Ħadd waqt li xi drabi jdur mill-Majjistral it-Tramuntana.
Mistennija wkoll temperatura xitwin. It-temperatura ta’ matul il-jum mistennija tvarja bejn 18°C u 16°C, biex hekk tkun qrib it-temperatura medja massima għal Diċembru li hija dik ta’ 17.2°C. Matul il-lejl, it-temperatura se tvarja bejn 13°C u 12°C. Madanakollu, ir-riħ mill-Majjistral, jaf jagħmel it-temperaturi jinħassu aktar kiesħa, speċjalment matul il-lejl.
Ħarsa ħafifa lejn l-ewwel jiem ta’ Diċembru turi kif nhar it-Tnejn l-1 ta’ Diċembru mistenniaj tirritorna ftit xemx, iżda għal jiem ta’ wara mistenni temp iżjed instabbli, bil-possibbilità ta’ iżjed ħalbiet tax-xita bir-ragħad.
OTTUBRU IŻJED XOTT IŻDA FTIT IŻJED FRISK MIN-NORMA
Ottubru naqas milli jġib biżżejjed xita biex jaqbeż il-kwota tax-xahar ta’ 77.8 mm. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 71.2 mm xita.
L-ewwel nofs tax-xahar kien aktar milwien mit-tieni nofs li ġab miegħu temp iżjed stabbli. Matul ix-xahar resqu viċin tal-Gżejjer Maltin erba’ maltempati bir-ragħad u s-sajjetti, jiġifieri maltempata inqas min-norma.
Minkejja li l-aħħar jiem ta’ Ottubru ġabu magħhom togħma bikrija tas-Sajf ta’ San Martin, ix-xahar kien ftit iżjed frisk mis-soltu, b’differenza ta’ 0.4°C bejn it-temperatura medja (21.3°C) u n-norma klimatika (21.7°C).
Ottubru ma kienx nieqes mill-jiem mirjieħa, bil-qawwa medja tar-riħ tul ix-xahar tkun ta’ 8.7 knots (norma 7.4 knots). L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha nefħet fuq il-Gżejjer Maltin mill-Punent Majjistru fis-27 ta’ Ottubru.
//= $special ?>

